Lokali

Kjuwijiet enormi: Jirdupjaw il-permessi ta’ residenza

Mijiet ta’ Asjatiċi qed jieħdu vantaġġ mis-sistema ġdida ta’ Reġistrazzjoni tal-impjiegi biex igibu permessi ta’ xogħol li qed jinħarġu minn Identity Malta – permessi li jingħataw wara li dawn il-barranin ikunu diġà ġabu permess ta’ residenza.

It-Tnejn li għadda Net News ippubblika filmat ta’ kju kbir ta’ barranin quddiem l-uffiċċini ta’ Identity Malta fil-Belt Valletta.

Ħafna qalulna li l-barranin jistennew fil-kju biex igibu r-residence permit minn Identity Malta qed jispiċċaw ma jinqdewx u jkollhom jerġgħu jmorru l-għada jew il-pitgħada. Dan hu sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ pjanar mill-gvern, li minnu la qed jibbenefikaw l-istess individwi u lanqas l-employers.

Sorsi fis-settur tal-catering u r-ristoranti, qalu li ġew avviċinati minn numru ta’ ċittadini min-Nepal u l-Pakistan jitolbu għal impjieg. Dan qiegħed isir ta’ kuljum u ilu għaddej xhur.

Kelliem għall-Identity Malta ikkonferma mal-ġurnal Times of Malta li qed iqassmu permessi temporanji lil numru ta’  barranin.

L-istess gazzetta żvelat statistika li turi kif fl-ewwel 4 snin ta’ Gvern immexxi minn Joseph Muscat, il-permessi ta’ residenza irdupjaw. Nofshom, inħarġu lil persuni li mhux ġejjin mill-UE.

Ħaġa ta’ tħassib ukoll hija li dawn il-ħaddiema barranin qed jitħallsu b’pagi baxxi, u dan se jkompli joħloq problema f’bosta setturi – u problemi wkoll fil-pagi tal-Maltin li diġà huma anqas mill-medja Ewropea.