Joseph Muscat qatt ma jista’ jitwemmen meta jitkellem fuq l-ambjent u speċjalment meta qal li l-Gvern Soċjalista ħadem biex “min jieħu n-nifs mhux qed jibla’ l-velenu” għaliex kienet l-istatistika tal-Eurostat stess li kkonfermat kif pajjiżna għandu t-tieni l-agħar tniġġis fl-arju fl-Ewropa.
Il-PN permezz ta’ stqarrija qal li t-track record fl-ambjent tal-Gvern Soċjalista mmexxi minn Joseph Muscat huwa wieħed ħażin ħafna u f’sitt snin spiċċajna bit-tieni l-agħar tniġġis fl-ajru li huwa l-kaġun li 600 persuna tmut kull sena b’mard respitorju u spiċċajna wkoll l-agħar fl-Ewropa fir-riċiklaġġ tal-iskart. Biex jgħatti dan kollu l-Gvern Soċjalista qed jonfoq €700,000 f’reklamar u PR biex jgħatti dawn ir-riżultati diżastrużi.
Huwa biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ jitwemmen fuq il-ħarsien u s-sostenibbilità tal-ambjent. Dan meta Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu bosta proġetti ta’ spazji miftuħa bl-użu għaqli tal-fondi Ewropej. Illum il-ġurnata bil-proposti konkreti fil-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-PN qed jerġa’ juri li verament huwa partit li għalih l-ambjent huwa prijorità.
//= $special ?>