Għal darba darbtejn, l-eks Mexxej Soċjalista u llum il-Kap tad-Delegazzjoni Soċjalista Malti fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, ikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista: li vot għal Sant u sħabu l-Kandidati tal-Partit Soċjalista Malti jfisser vot għas-Soċjalisti Ewropej.
Għalhekk, hu vot kontra Malta għax issa kkonferma hu stess li s-Soċjalisti Ewropej iridu jkissru l-benefiċċji li pajjiżna jgawdi bis-sistema tat-taxxa li juża’.
Bħalissa, l-Unjoni Ewropea tħalli f’idejn l-Istati Membri biex joħolqu u jmexxu s-sistema ta’ tassazzjoni li jridu huma. Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, dan kien ta’ inċentiv biex pajjiżna seta’ jiġbed lejh setturi ġodda ta’ investiment internazzjonali – bħall-gaming u l-avjazzjoni.
Meta fl-2013 l-Labour tela’ fil-Gvern, din is-sistema baqgħet tintuża’ għax Muscat u sħabu raw li din qed tkun ta’ ġid għall-pajjiż.
Iżda issa, l-Partit Soċjalista Malti għażel li jiffirma biex jingħaqad mas-Soċjalisti Ewropej b’Manifest Elettorali wieħed, li fost l-oħrajn qed jgħid li l-Istati Membri m’għandhomx igawdu mill-benefiċċju li joħolqu s-sistema ta’ tassazzjoni tagħhom.
Dan qed iwassal għall-kritika ta’ ħafna, fosthom tal-Partit Nazzjonalista, li bħala membru tal-Partit Popolari Ewropew ma jaqbilx ma’ din il-proposta kontra Malta. Anzi, qed joħroġ dejjem aktar fiċ-ċar li vot għall-Partit Nazzjonalista u allura għall-Partit Popolari Ewropew hu vot favur Malta.
Wara li anke l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kkonferma ftit tal-jiem ilu li s-Soċjalisti Ewropej ilhom iridu ibiddlu s-sistema ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri minn meta hu kien għadu MEP, waqt programm fuq ix-Xandir tal-Istat, l-eks Mexxej Soċjalista Alfred Sant ikkonferma għal darba darbtejn li vot għas-Soċjalisti Ewropej hu vot kontra Malta.
Din mhix l-ewwel darba li s-Soċjalisti Ewropej riedu jaħdmu kontra pajjiżna. Fil-fatt, madwar sena u nofs ilu, is-Soċjalisti Ewropej, li l-MEPs tal-Labour huma parti minnhom, ippreżentaw emendi fil-Parlament Ewropew li ddeskrivew lil pajjiżna bħala tax haven.
Min-naħa l-oħra, kellha tkun il-ħidma intensiva tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista li waqqfu bi żbrixx din l-emenda. Dakinhar, Alfred Sant u Muscat ma kienux kapaċi jikkonvinċu lil sħabhom is-Soċjalisti.
//= $special ?>