Futbol Sport

Tottenham fil-finali taċ-Champions League għall-ewwel darba b’rebħa drammatika fuq Ajax

(Ritratt: EPA)

Gowl fl-aħħar azzjoni tal-logħba poġġa lil Tottenham għall-ewwel finali taċ-Champions League tagħhom. Huma għelbu lil Ajax 3-2 fil-Johann Cruyff Arena biex għaddew bil-gowl away. Il-protagonist assolut kien Lucas Moura li skorja tripletta, b’Ajax ipattu qares għan-nuqqas ta’ kontroll.

Ajax deher li seta’ jkollhom serata oħra mill-aqwa meta d-difensur Matthijs de Ligt poġġiehom fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras wara ħames minuti, u Hakim Ziyech irdoppja fil-35 minuta b’xutt preċiż għar-rokna.

Ir-rimonta ta’ Tottenham bdiet fit-tieni taqsima b’Lucas Moura jnaqqas id-distakk fil-55 minuta b’xutt fil-baxx wara li rċieva mingħand Dele Alli, bl-istess Brażiljan iġib id-draw fil-logħba erba’ minuti wara, meta wera abbiltà teknika biex tefa’ l-ballun fix-xibka.

Ajax kellhom diversi okkażjonijiet biex jagħlqu l-logħba fosthom xutt ta’ Ziyech li ħabat mal-lasta, iżda kien fil-95 minuta li Tottenham skorjaw il-gowl ta’ kwalifikazzjoni b’Lucas Moura jegħleb lil Andre Onana b’xutt fil-baxx fost il-ferħ tal-plejers u fosthom il-manager Mauricio Pochettino. Il-finali bejn Tottenham u Liverpool tintlagħab fl-1 ta’ Ġunju fil-Wanda Metropolitano f’Madrid.