HIBERNIANS……….. 2 VALLETTA………….. 3
Hibernians: M. Jovicic, M. Dias, M. Barobsa (D. Abela 115’), N. Radojevic, T. Tabone Desira (C. Zammit 105’), D. Vella, B. Kristensen (D. Xuereb 120’), J. Mbong, T. Fonseca, M. Sahanek, T. Marcolino (J. Grech 85’)
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Borg, R. Saleh, A. Monticelli (N. Pulis 66’), S. Malano, B. Gavrila (J. Micallef 122’), K. Nwoko, M. Fontanella, B. Kaljevic (S. Dimech 110’)
Imwissija: J. Borg 40’, E. Pena Beltre 45+2, K. Nwoko 68’, S. Borg 72’, B. Gavrila 86’, B. Kaljevic 93’ (V), D. Vella 45+2’, M. Barbosa 75’, B. Kristensen 123’ (H)
Tkeċċa: M. Dias 50’ (H)
Skorjaw: M. Sahanek 11’, J. Mbong 20’ (H), B. Kaljevic 74’, 103’, N. Pulis 85’ (V)
Referee: Stefan Pace
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri
Attendenza: 2914
Valletta kisbu t-tieni rebħa f’ħamest ijiem kontra Hibernians meta wara r-rebħ tal-kampjonat is-Sibt li għadda, għaddew għas-semifinali tal-FA Trophy u jilagħbu l-Ħadd li ġej kontra Gżira United. Din il-logħba reġgħet kienet milgħuba quddiem attendenza sabiħa u għal darba oħra l-logħba reġgħet kellha tkun deċiża wara d-90 minuta.
Valletta din id-darba rebħu fil-ħin barrani wara li dawru telfa f’rebħa meta kienu 2-0 minn taħt wara 20 minuta. It-tkeċċija ta’ Marcelo Dias fil-bidu tat-tieni taqsima ħallief effett fuq il-prestazzjoni ta’ Hibernians hekk kif lagħbu aktar minn siegħa bi plejer anqas.
L-impenn taż-żewġ timijiet kien evidenti hekk kif lagħbu sagħtejn u sagħtejn fi ftit ħin, anki jekk it-tnejn ma kinux bl-aqwa formazzjoni. Il-kowċ ta’ Valletta Gilbert Agius kellu jgħaddi mingħajr is-sospiż Joseph Zerafa kif ukoll Jonathan Caruana, Ryan Camilleri, Rowen Muscat, Miguel Alba u Matteo Piciollo.
Fuq in-naħa l-oħra, Stefano Sanderra lagħab mingħajr is-sospiżi Andrei Agius u Isaac Ntow flimkien ma’ Jurgen Degabriele li ilu mweġġa’. Għal Valletta rritorna Raed Saleh filwaqt li Marcelo Dias irritorna għal Hibernians, biż-żewġ plejers jitilfu d-decider tas-Sibt li għadda.
Valletta ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża wara sitt minuti bi kross fil-baxx mil-lemin ta’ Antonio Monticelli li qata’ lura lejn Bojan Kaljevic iżda x-xutt fil-baxx tal-Montenegrin għadda ftit barra.
Hibernians skorjaw fl-ewwel azzjoni tagħhom wara 11-il minuta b’azzjoni fuq ix-xellug fejn MARCO SAHANEK ħabbat il-ballun ma’ Timothy Tabone Desira u b’konklużjoni fil-baxx għar-rokna għeleb lil Henry Bonello.
L-iskor sar 2-0 fl-20 minuta meta Bjorn Kristensen fetaħ fuq il-lemin lejn Taylon Marcolino li avvanza u tefa’ kross fil-baxx lejn JOSEPH MBONG li skorja mill-viċin.
Dan il-gowl poġġa lil Valletta f’sitwazzjoni aktar diffiċli hekk kif naqsu li jwettqu reazzjoni hekk kif il-gowlkiper Marko Jovicic ma kienx impenjat. Fit-38 minuta Tiago Fonseca prova b’xutt fil-baxx li kien salvat f’darbtejn minn Bonello.
Valletta ssugraw li jsofru t-tielet gowl tliet minuti wara u kellu jkun il-gowlkiper Henry Bonello li salva mirakolożament free-kick perikoluż ta’ Sahanek.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima, żewġ episodji li setgħu ħallew effett fuq il-logħba meta l-ewwel Pena Beltre ssogra li jitkeċċa wara kuntatt ma’ Dunstan Vella u Valletta kellhom gowl imħassar ta’ Fontanella għal offside li kien dubjuż.
It-tim ta’ Gilbert Agius ħareġ ifittex il-gowl fit-tieni taqsima u fil-50 minuta spiċċaw jilagħbu bi plejer aktar meta r-referee Stefan Pace wera karta ħamra diretta lil Marcelo Dias wara li għolla saqajh b’mod perikoluż fuq Bogdan Gavrila. Mill-istess free-kick, ix-xutt ta’ Gavrila għadda għoli.
Valletta kellhom il-pussess tal-ballun u fil-61 minuta minn azzjoni ta’ korner, Monticelli qassam lejn Mario Fontanella iżda x-xutt tal-aħħar għadda għoli. Erba’ minuti wara Jovicic kien strumentali meta dawwar f’korner b’mod stupend fuq Gavrila wara kross ta’ Pena Beltre.
Fis-70 minuta xutt tas-sostitut Nicholas Pulis minn barra l-kaxxa għadda ftit barra biex żewġ minuti wara fuq in-naħa l-oħra, daqqa ta’ ras ta’ Taylon Marcolino għaddiet ftit għoli minn free-kick ftit għoli.
Valletta naqqsu d-distakk fl-74 minuta meta Steve Borg sab lil BOJAN KALJEVIC b’passaġġ fit-tul, bl-attakkant ikkontrolla u għeleb lil Jovicic fil-baxx. Il-Beltin saħansitra ġabu d-draw fil-85 minuta. Kien free-kick ta’ Fontanella mix-xellug fil-kaxxa, biż-żagħżugħ NICHOLAS PULIS jieħu vantaġġ mill-ħarġa difettuża ta’ Jovicic u skorja b’daqqa ta’ ras b’saħħitha biex skorja l-ewwel gowl tiegħu ma’ Valletta.
L-istess plejer reġa’ prova minuta wara b’xutt fil-baxx li kien salvat minn Jovicic. Fl-aħħar minuti, Hibernians ħarġu ftit mill-qoxra difensiva iżda ma sabux il-gowl rebbieħ biex il-partita kompliet fil-ħin barrani.
L-għajja fuq iż-żewġ timijiet kienet evidenti u intortament il-partita naqset ftit mir-ritmu. Fil-100 minuta, Nicholas Pulis reġa’ prova minn barra l-kaxxa, bix-xutt tiegħu jkun ċentrali u salvat. Tliet minuti wara, Valletta marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba, bit-Taljan Mario Fontanella jitfa’ kross preċiż mix-xellug wara d-difiża lejn l-iżmarkat BOJAN KALJEVIC li daħal tajjeb u xellef il-ballun wara Jovicic.
Hibernians kważi rrepetew dak li għamlu s-Sibt li għadda fil-119-il minuta, b’korner ta’ Sahanek mil-lemin fil-kaxxa, għola Bjorn Kristensen li stampa l-mimduda b’daqqa ta’ ras.
Valletta assorbew il-pressjoni finali biex mal-125 minuta r-referee Stefan Pace saffar għal tmiem il-logħba, fost il-ferħ tal-partitarji Beltin u d-diżappunt tal-partitarji Pawlisti.
//= $special ?>