Kunsilli Lokali Lokali

Attivita’ suppost tal-Gvern fil-Mosta mibdula f’attivita’ partiġġjana

Dik li suppost kellha tkun attivita’ uffiċjali tal-Gvern fil-Mosta mis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista inbidlet f’attivita’ partiġġjana, tant li l-Kunsill Lokali tal-Mosta irtira s-sehem tiegħu.

Fi stqarrija, is-Sindku tal-Mosta Keith Cassar qal li l-Kunisll Lokali rċieva sedina uffiċjali għal konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fi Triq Dawret il-Wied.

Iżda meta s-Sindku u Kunsillier ieħor waslu fuq il-post, sabu t-triq magħluqa illegalment, għaliex ma nħareġ l-ebda permess mill-Kunsill Lokali, b’żewġ vetturi governattivi. Barraminhekk, dik li kellha tkun konferenza tal-aħbarijiet mill-Gvern spiċċat invażata b’kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mosta.

L-istqarrija tkompli li l-Kunsill Lokali jemmen li l-attivitajiet tal-Gvern Lokali u tal-Gvern Ċentrali m’għandhomx jinkludu politika partiġġjana bil-parteċipazzjoni ta’ kandidati tal-elezzjoni. Meta s-Sindku talab lis-Segretarju Parlamentari Debattista biex dawk li m’humiex kunsillieri jirtiraw mill-konferenza, Deo Debattista irrifjuta.

Is-Sindku qal li tul din il-leġislatura, il-Kunsill Lokali tal-Mosta qatt ma uża mezzi tal-poplu sabiex jirkeb karrijiet politiċi għaliex il-Kunsill Lokali qiegħed hemm għal kulħadd.