Sport Sport Ieħor

Federer u Djokovic mal-aħħar tmienja fl-Open ta’ Madrid

(Ritratti: EPA)

Roger Federer salva żewġ match points qabel kiseb rebħa missielta fuq Gael Monfils biex għadda għall-kwarti tal-finali tal-Open ta’ Madrid. Is-sid numru erbgħa rkupra minn logħba minn taħt fis-set deċiżiv biex rebaħ 6-0, 4-6, 7-6.

Federer jilgħab kontra Dominic Thiem li f’Marzu li għadda kien tilef kontrih fil-finali tal-Indian Wells. Din ir-rebħa kienet l-1,200 fil-karriera ta’ Federer u assigura postu mal-aħħar tmienja fuq court tat-tafal għall-ewwel darba mill-Open ta’ Franza tal-2015.

Federer kellu bżonn 19-il minuta biex jieħu l-ewwel set u tilef erba’ punti biss fuq is-service. Iżda Monfils irkupra fit-tieni set u sforza s-set deċiżiv. Fit-tielet set, Monfils kien jinsab 4-1 minn fuq, qabel Federer tawwal il-logħba bis-service tiegħu.

L-Iżvizzeru salva żewġ match points b’service u volley. Fit-tie-break, Federer kien b’saħħtu b’Monfils isalva żewġ match points qabel żball tiegħu assigura r-rebħa tal-Iżvizzeru.

In-numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic elimina lil Jeremy Chardy 6-1, 7-6 f’dik li kienet it-13-il rebħa minn 13-il konfront kontra l-Franċiż. Il-15-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam kien 4-0 minn fuq u għalaq l-ewwel set f’31 minuta.

Chardy kien aktar ta’ sfida fit-tieni set hekk kif l-ebda tennist ma ħax il-kontroll tal-logħba, sakemm Chardy kellu set point meta mar 5-4 minn fuq. Djokovic issielet u sforza tie-break biex għalaq il-logħba fl-ewwel opportunità li kellu.

Fir-rawnd li jmiss hu jilgħab kontra Marin Cilic, f’dik li hi l-ewwel kwarti tal-finali tiegħu f’dan l-istaġun. Stan Wawrinka wkoll għadda mal-aħħar tmienja b’rebħa ta’ 6-3, 7-6 fuq Kei Nishikori.

David Ferrer jirtira

Il-karriera ta’ David Ferrer ġiet fi tmiemha meta kien megħlub minn Alexander Zverev fl-Open ta’ Madrid. Ferrer li għandu 37 sena, ried jirtira fit-tournament ta’ pajjiżu. Hu fil-passat kien is-sid numru tlieta tad-dinja, rebaħ 27 titlu fil-karriera u wasal sal-finali tar-Roland Garros fl-2013.

Ferrer kien għeleb lill-kompatrijott Roberto Bautista Agut biex tawwal il-karriera b’24 siegħa, u deher li seta’ jkompli javvanza fit-tournament wara li mar 4-1 minn fuq fl-ewwel set. Iżda minn dak il-ħin, il-Ġermaniż ta’ 22 sena tilef biss logħba biex rebaħ 6-4, 6-1.