Futbol Sport

Hazard ipoġġi lil Chelsea fil-finali tal-Europa League kontra Arsenal

(Ritratt: EPA)
Kepa Arrizabalaga strumentali fl-għoti tal-penalties

Wara d-diżappunt fil-finali tal-League Cup kontra Manchester City, il-penalties ffavorixxew lil Chelsea hekk kif eliminaw lil Eintracht Frankfurt biex għaddew għall-finali tal-Europa League fid-29 ta’ Mejju f’Baku li se tkun kollha Ingliża. Id-differenza bejn it-timijiet kienet minima, biż-żewġ logħbiet jispiċċaw fi draw ta’ 1-1 hekk kif Chelsea ssugraw aktar minn darba li jsofru l-gowl importanti.

Danny de Costa impenja lil Kepa Arrizabalaga b’xutt b’saħħtu mill-ewwel li kien imdawwar f’korner. Chelsea fetħu l-iskor fit-28 minuta b’Eden Hazard iqassam tajjeb lejn RUBEN LOFTUS-CHEEK li b’xutt fil-baxx angolat għeleb lil Kevin Trapp.

Eintracht Frankfurt ġabu d-dra fil-50 minuta bl-attakkant LUKA JOVIC iħabbat il-ballun ma’ MIJAT GACINOVIC u skorja b’xutt fil-baxx minn quddiem Kepa Arrizabalaga. Minuta wara Olivier Giroud falla ċans tajjeb.

Il-Ġermaniżi bdew iżidu l-pressjoni u mas-siegħa logħob Arrizabalaga blokka tajjeb xutt b’saħħtu ta’ Gacinovic. Il-logħba kompliet tiżvolġi fin-nofs, b’Olivier Giroud jipprova b’xutt fil-baxx fit-88 minuta li kien salvat f’darbtejn minn Kevin Trapp.

Il-logħba kompliet fil-ħin barrani, bl-ewwel tentattiv jasal fit-93 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ross Barkley li għadda ftit barra. Fil-100 minuta, Sebastian Haller kien kważi skorja l-gowl importanti meta qata’ lil Arrizabalaga b’xutt għar-rokna iżda David Luiz kien providenzjali u salva fuq il-linja. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Davide Zappacosta kien attent biex biegħed ballun li kien dieħel ġewwa wara daqqa’ tas ta’ Haller.

Emerson Palmieri ttanta xortih fil-111-il minuta b’xutt b’saħħtu li iżda kien salvat biex erba’ minuti wara xutt tas-sostitut Zappacosta ġie mdawwar f’korner. Fil-116-il minuta seħħ episodju li seta’ ħalla impatt fuq il-logħba meta Cesar Azpilicueta deher li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni ta’ Trapp iżda r-referee Ovidiu Hategan ordna fawl fuq il-gowlkiper.

Fl-għoti tal-penalties, Sebastian Haller skorja għal Eintracht Frankfurt u Ross Barkley skorja għal Chelsea. Luka Jovic skorja għat-tim Ġermaniż filwaqt li Cesar Azpilicueta ra x-xutt fil-baxx tiegħu jkun salvat minn Kevin Trapp.

Jonathan de Guzman kabbar il-vantaġġ ta’ Eintracht Frankfurt filwaqt li Jorginho wkoll sab ix-xibka b’mod konvinċenti. Kepa Arrizabalaga salva x-xutt ċentrali ta’ Martin Hinteregger biex Davide Zappacosta għamel l-iskor indaqs.

L-aħħar penalty ingħata minn Goncalo Paciencia li daħal fl-aħħar minuti tal-ħin barrani iżda x-xutt fil-baxx kien salvat minn Arrizabalaga, biex Eden Hazard skorja l-penalty deċiżiv bil-kumdità kollha, biex baqgħet fis-seħħ it-tama ta’ Maurizio Sarri li jirbaħ l-ewwel trofew fil-karriera tiegħu.