Lokali

Ikompli l-isfruttament tal-barranin

Kundizzjonijet kompletament inumani

Video xokkanti li tella’ s-sit Lovin’ Malta juri l-kundizzjonijiet skifużi li qed ikollhom jgħix fihom għadd ta’ barranin f’pajjiżna.

Dawn huma l-istess barranin li l-Prim Ministru ta’ pajjiżna jġib biex jaħdmu fix-xemx. L-istess barranin li qed jitħallsu biċ-ċiċri u li skont Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers huma l-iskjavitù ġdida tas-soċjetà moderna ta’ pajjiżna.

Il-kmamar huma maħsuba biex joffru kenn liż-żwiemel, u fil-verità huma stalel, imma minflok qed joqgħodu fihom dawn in-nies. Il-filmati juru kmamar inkallati, neqsin minn kull faċilità. La għandhom ilma u wisq inqas fejn jaqdu l-bżonnijiet naturali, tant li dawk li jgħixu hawn ikollhom jittalbu għal ftit ilma mingħand il-ġirien. U jkollhom joħorġu barra biex jaqdu l-bżonnijiet tagħhom.

L-immigranti li jgħixu hawn iħallsu mal-€100 kull wieħed fix-xahar biex joqgħodu f’dawn il-kundizzjonijiet inumani. Kundizzjonijiet li s’issa l-awtoritajiet għadhom m’għamlu xejn dwarhom.

L-influss qawwi ta’ barranin f’pajjiżna qed iwassal biex uħud minnhom jaċċettaw li jgħixu f’kundizzjonijiet inaċċettabbli u jħallsu biex jagħmlu dan.