Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern jgħaddi biż-żmien ir-residenti tal-Pietà

Wara li fix-xhur li għaddew, il-kunsillier tal-Pietà u Minority Leader Josef Fitzpatrick ressaq mozzjoni fil-Parlament dwar dik li kienet ir-residenza tar-Reġina Eliżabetta II, il-Gvern permezz ta’ Heritage Malta u permezz ta’ propaganada fuq l-istazzjon Nazzjonali, ta x’jifhem li hemm diskussjonijiet dwar restawr fuq din il-binja.

Villa Guardamangia inbniet lejn nofs is-1700 u hija binja skedata grad 2. Għaldaqstant ma jistax isirlha tibdil strutturali. Il-binja tinsab fi stat pjuttost dilapidat u jeħtiġilha jsir xogħol estensiv ta’ restawr b’mod immedjat.

Iżda mhux talli sa issa ma beda’ l-ebda restawr, talli madwar sena u nofs ilu kien hemm ukoll rapporti li warajha eżatt kien se jsir żvilupp ta’ sitt sulari li kien se jistona ferma mal-kumplament taz-zona.

L-għada li Josef Fitzpatrick ressaq il-mozzjoni għad-diskussjoni dwar din il-binja, deher servizz fuq l-aħbarijiet tal-istazzjon Nazzjonali li qal li għaddejjin diskussjonijiet mas-sidien tal-Villa. Dan naturalment, mingħajr ma għamel ebda’ referenza għall-mozzjoni li reġgħet qajmet id-diskussjoni dwar din il-binja.

Il-Kunsillier tal-Pietà baqa’ jsegwi l-iżviluppi f’din il-kwestjoni u bgħat korrispondenza lil Kenneth Gambin ta’ Heritage Malta jistaqsi dwar is-sitwazzjoni. Dan fid-dawl tal-fatt li hu kellu informazzjoni li xi sidien tal-Villa qatt ma kienu kkonsultati dwar xi restawr u wisq anqas dwar negozjati ta’ bejgħ tal-Villa. Għaldaqstant qatt ma seta’ jkun vera li kienu qed isiru diskussjonijiet mas-sidien kollha.

Fir-risposta xotta tiegħu, Gambin ma ta ebda’ dettal u reġa tenna li qed isiru diskussjonijiet mas-sidien. Xi ħaġa li sidien tal-istess Villa ċaħdu kategorikament.

Jidher li din hi mossa oħra tal-Gvern biex jipprova jiġbor ftit voti meta ninsabu jiem biss bogħod mill-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Mossa li s’issa ssarfet biss fi kliem fieragħ u li ġiet biss wara li tressqet il-mozzjoni minn naħa tal-Kunsillier Nazzjonalista, biex reġa’ qajjem lill-Gvern mir-raqda dwar din il-kwestjoni.

Wieħed irid issa jistenna u jara jekk il-Gvern verament jaġixxix biex din il-binja li hi wirt storiku u kulturali tal-Maltin kollha, tiġi rrestawrata u ssalvagwardjata kif jixirqilha.