Lokali

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jiddefendi lill-Maltin u l-Għawdxin

Is-Soċjalisti Ewropej iridu jiddeċiedu huma għalina fuq it-taxxa u jimponulna l-abort

“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jiddefendi lill-Maltin u l-Għawdxin mhux bħall-Partit Soċjalista li jappoġġja lis-Soċjalisti Ewropej li jridu jiddeċidu għalina fuq it-taxxa u jimponuna l-abort.” Hekk qal il-Kap tal-PN Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist Sergio Mallia waqt attivita politika fir-Rabat bit-tema Flimkien għal Pajjiżna. 

Adrian Delia qal li għall-Partit Nazzjonalista t-tarbija fil-ġuf hija ħajja umana u mhux tmien ċelloli bħall-Partit Soċjalista. Huwa qal li s-Soċjalisti Ewropej (S&D) fil-manifest elettorali tagħhom qed jimbuttaw ‘il quddiem l-abort u se jaħdmu biex jimponuh madwar l-Ewropa u f’pajjiżna. Vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti huwa vot għas-Soċjalisti Ewropej li jridu jimponu l-abort u dan wara li l-Partit Soċjalista Malti ffirma l-manifest tal-S&D f’Madrid. Kienu l-MEPs Soċjalisti fosthom Edite Estrela li mbuttaw biex l-abort isir dritt imħallas mit-taxxi u kien biss bil-ħidma tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li r-rapport tagħha ngħeleb fil-plenarja tal-Parlament Ewropew. Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tat-tarbija fil-ġuf li m’għandhiex vuċi u se jibqa’ jipproteġi d-dritt tat-tarbija li titwieled.

Adrian Delia qal li l-interess tas-Soċjalisti Ewropej u l-kandidat Soċjalista għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans huwa li jkun hawn taxxa waħda madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Dan b’theddida kbira għall-investiment u għall-impjiegi f’Malta b’mod speċjali għal aktar minn 27,000 post tax-xogħol fis-settur tas-servizzi finanzjarji jekk nitilfu d-dritt li niddeċiedu aħna dwar it-taxxa. Adrian Delia qal li l-MEPs tal-PN minflok jaħdmu sabiex itejjbu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin permezz tal-ħidma tagħhom fil-Parlament Ewropew bil-ħarsien tal-fruntieri, l-work-life balance u l-ġlieda kontra l-kanċer.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju huma dwar min se jkun qed jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsilli Lokali. Dan meta l-Partit Soċjalista qatt ma emmen fl-Ewropa u fil-Kunsilli għax qatt ma kienu ‘super favoriti’ u ħassar l-elezzjonijiet f’16-il Kumitat Amministrattiv. Huwa qal li l-elezzjonijiet huma opportunità għall-poplu biex ibiddel l-attitudni tal-Gvern Soċjalista li tilef ir-ruħ soċjali għaliex għandu biss kilba għall-poter.

Fl-istess attività tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo. Huwa saħaq li l-Gvern Soċjalista hu maqtugħ mir-realtà tal-ħajja għax ma jimpurtahx minn dawk li qed ibatu.

Il-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg qal li bil-miktub il-Partit Soċjalista Ewropew, li tiegħu l-PL Malti hu membru, iddikjara li hu favur l-abort. Sostna li l-PL ma jistax ikun fdat fuq l-abort għaliex fi ħdanu hemm opinjonijiet differenti.

Min-naħa tiegħu, il-kandidat tal-PN Michael Briguglio tkellem dwar kif hawn min qed jgħum fil-liri bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri …filwaqt li ħafna nies f’pajjizna huma msalba – għandna surplus ta’ korruuzzjoni, traffiku u governanaza ħażina.

L-MEP Nazzjonalista David Casa sostna li l-PN dejjem emmen fl-Unjoni Ewropea sabiex kulħadd jimxi ‘l quddiem u jinħolqu opportunitajiet ġodda għal kulħadd. U l-MEP’s Nazzjonalisti se jibqgħu jiddefendu lil pajjiżna mill-korruzzjoni u l-ħtif tal-isitituzzjonijiet.