Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Il-Partit Nazzjonalista magħqud kontra l-abort

Kull vot għal-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huwa vot ieħor lis-Soċjalisti Ewropej li fil-manifest elettorali tagħhom qegħdin jimbuttaw ‘il quddiem l-abort u se jaħdmu biex jimponuh madwar l-Ewropa u f’pajjiżna.

Mill-banda l-oħra kull vot għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista huwa vot favur il-ħajja. Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall- Caudio Grech u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.

L-MEPs tal-Partit Soċjalista naqsu milli jikkonvinċu lil sħabhom is-Soċjalisti Ewropej (S&D) li ma jimbuttawx ‘il quddiem l-abort u minflok jirrispettaw il-valuri differenti tal-popli fl-Ewropa.

Is-Soċjalisti Ewropej qed jerġgħu jimbuttaw l-abort permezz tal-manifest politiku u jekk ikollhom il-maġġoranza fil-Parlament Ewropew is-Soċjalisti se jassiguraw li dan jidħol f’kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Peter Agius qal li l-MEPs li se jiġu eletti għall-PN fil-Parlament Ewropew se jaħdmu bis-sħiħ għal Ewropa li tirrispetta d-diversità tal-istati membri u li tkun tgħożż l-identità u l-valuri Maltin fuq kwistjonijiet etiċi kif ukoll dwar it-tradizzjonijiet tagħna.

Huwa qal li l-Ewropa m’għandux ikollha d-dritt li tidħol f’materji bħall-abort ġaladarba dawn jitħallew espressament f’idejn l-istati membri. Peter Agius qal li ma jiswa xejn li MEPs Soċjalisti jgħidu li huma kontra l-abort f’Malta jekk ma rnexxilhomx jemendaw il-manifest tas-Soċjalisti Ewropej f’Madrid. 1

Il-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat bis-sħiħ li jaħdem favur u jipproteġi l-ħajja u se jaħdem mill-Parlament Ewropea għal Ewropa li tirrispetta d-diversità tal-popli tagħha. Dan ukoll flimkien mal-Partit Popolari Ewropew, li l-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Manfred Weber diġà ddikjara li hu favur il-ħajja u l-valuri li jagħmluna Ewropej.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll Justine Palmier u Amanda Abela, kandidati għall-Kunsilli Lokali tal-Floriana u ż-Żejtun rispettivament.