Lokali Unjoni Ewropea

Imfakkar Jum l-Ewropa

Fid-9 ta’ Mejju, kull sena, jitfakkar Jum l-Ewropa. Jum li jfakkar il-paċi u l-għaqda fl-Ewropa.

Kien propju bħal-lum 69 sena ilu, fl-1950, li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, Robert Schuman kien ippreżenta ix-Schuman Declaration li kienet tipproponi t-twaqqif ta’ Kommunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, sabiex il-membri kollha produtturi ta’ dawn il-materjali jingħaqdu.

Il-membri fundaturi ta’ din il-Komunità kienu Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, l-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu. Dan kien l-ewwel pass fil-formazzjoni tal-Unjoni Ewropea kif nafuha llum.

L-idea wara t-twaqqif ta’ din il-Komunità kienet li ssaħħaħ il-pajjiżi Ewropej li kienu għadhom qed jippruvaw jirkupraw mill-ħerba tat-tieni gwerra dinjija.

Fost il-kwotazzjonijiet li hemm fid-Dikjarazzjoni Schuman hemm: “L-Ewropa mhux se ssir f’darba, jew skont pjan waħdieni. Se tinbena fuq kisbiet konkreti li l-ewwel joħolqu solidarjetà vera”.

Pajjiżna sar membru stat tal-Unjoni Ewopea fl-2004 wara li kien il-Partit Nazzjonalista li ħadem biex Malta ssir parti minn din il-komunità u minkejja l-bsaten fir-roti mill-Partit Laburista, li baqa’ jinsisti fuq Partnership.