Sport Sport Ieħor

Ir-rebbieħa tal-2018 onorati fis-serata annwali tal-ASMK

(Ritratt: Mario Micallef)

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat is-serata annwali biex tonora lir-rebbieħa u dawk li spiċċa fit-tieni post f’kull sezzjoni. Din l-attività saret għall-ewwel darba fir-riserva naturali tas-Salini.

Fost ir-rebbieħa tal-karozzi kienu onorati Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo li rebaħ il-kampjonat Autocross Modified għall-ewwel darba u Karl Micallef li spiċċa t-tieni fuq Ford Fiesta. Għar-raba’ darba, Deane Farrugia fuq Citroen AX rebaħ il-kampjonat Autocross Standard segwit minn Nicovich Chircop fuq Peugeot 106.

Fil-muturi kienu onorati Kyle Camilleri fuq KTM li rebaħ il-kampjonat Motocross għall-ewwel darba, b’Clayton Camilleri fuq KTM isegwi. Damon Bonello fuq Gas Gas rebaħ il-kampjonat tat-Trials segwit minn Rowen Bugellu fuq Beta. James Zahra fuq Sherco rebaħ il-kampjonat Enduro segwit minn Bernard Sammut fuq Beta.

Matul is-serata tqassmu fondi lill-kompetituri li matul is-sena li għaddiet ipparteċipaw fl-iskema Parteċipazzjoni Internazzjonali ta’ SportMalta. Matthew Gauci, James Zahra, Ian Scicluna, Gary Debono u Bernard Sammut ħadu sehem f’attività annwali Enduro f’Erzberg fl-Awstrija.

L-ASMK ippreżentat tifkiriet lill-isponsors tal-għajnuna tagħhom kif ukoll il-Membri Onorarji li baqgħu jagħtu servizz fl-attivitajiet. Dawn huma l-eks Kaxxier tal-Assoċjazzjoni Edgar Xuereb u l-eks membri tal-Kumitat Frans Azzopardi u Emanuel Pisani. Membri oħra li ġew onorati huma l-Projects Manager tal-ASMK Lawrence Darmanin u Dr. David Camilleri li hu l-persuna legali tal-Għaqda.

Intant l-attivitajiet tal-ASMK ikomplu l-Ħadd 19 ta’ Mejju b’attività mill-Kampjonat Honda Motocross. Din se tkun is-sitt attività li se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali u tibda fl-10.00am.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.