Il-Ġimgħa fit-3pm tibda t-tieni fażi tal-ġbir tad-Dokumenti tal-Vot għal dawk li huma eliġibbli fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.
Dan hekk kif ikun fadal 15-il jum minn meta l-elettorat se jkun qed jintalab jagħżel is-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin u l-Kunsillieri Lokali fil-lokalitajiet rispettivi.
Fil-fatt, min hu eliġibbli qed jingħata żewġ Dokumenti tal-Vot – wieħed għal kull elezzjoni – u mill-Ġimgħa, dawn iridu jinġabru individwalment mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokalità fejn hu rreġistrat fuq il-Karta tal-Identità.
F’lokalitajiet fejn m’hemmx Għassa tal-Pulizija, dawn jinġabru mill-uffiċċji tal-Kunsill Lokali. Fi kwalunkwe każ, wieħed għandu jieħu miegħu l-Kart tal-Identità u ma jkunx jista’ jiġbor ta’ persuni oħra li joqgħodu fl-istess residenza miegħu.
Il-ħinijiet għall-ġbir huma kif ġej:
- Il-Ġimgħa, 10 ta’ Mejju: mit-3pm sad-9pm
- Bejn is-Sibt, 11 u l-Ġimgħa, 17: mit-8am sas-1pm u mit-3pm sad-9pm
- Is-Sibt, 18: mit-8am sal-10pm bla waqfien
- Il-Ħadd, 19 (l-aħħar ġurnata): mit-8am sas-1pm
Din hi l-aħħar opportunità li wieħed jiġbor id-Dokument tal-Vot tiegħu mil-lokalità tiegħu stess. Dan hekk kif fl-aħħar jiem tal-kampanja elettorali, wieħed ikun jista’ jiġbor id-Dokument tal-Vot tiegħu mill-uffiċċji temporanji tal-Kummissjoni Elettorali, fl-eks Trade Fair Gounds fin-Naxxar.
Anke f’dak il-każ, wieħed ikun irid imur individwalment u jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.
F’kumment lil NET News, Uffiċjal tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista (ELCOM) qal li qed isir monitoraġġ il-ħin kollu biex ikun assigurat li l-proċess hu wieħed demokratiku u trasparenti.
Spjega li l-ELCOM qed jipprovdi għadd ta’ servizzi għal dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna. Għaldaqstant, f’każ ta’ xi diffikultà jew mistoqsija, wieħed jista’ jċempel lill-Uffiċċju ELCOM fuq 2596 5207.
//= $special ?>