Lokali

“Nixtieq nagħmel xi ħaġa li tibqa’ tissemma” – Raymond Caruana ftit jiem qabel ma nqatel

“Iz-ziju Raymond ħalliena b’memorji sbieħ, ta’ kemm kien jilgħab magħna u kemm kien jaħdem fil-garage”.

Kliem Stefan Caruana, in-neputi ta’ Raymond Caruana waqt l-attività tal-inawgurazzjoni tal-faċċata restawrata tal-Każin tal-Partit Nazzjonalista Dar Raymond Caurana fil-Gudja.

Hu rrakkonta l-memorji tiegħu bħala tifel żgħir u qal li fost il-memorji tiegħu ta’ zijuh Raymond, tispikka memorja ta’ ftit jiem biss qabel il-qtil tiegħu fil-każin, fejn kienu lkoll miġbura flimkien u f”hin minnhom Raymond waqaf, qam, tmattar, u qal “Kemm nixtieq naghmel xi ħaġa għal pajjiżna li tibqa’ tissemma”. Kliem li kellu jinbidel f’realtà jiem biss wara, meta nqatel propju fil-kazin fil-Gudja.

Indirizza din l-attivita wkoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Dione Borg, li kien ukoll il-moħħ wara dan ir-restawr.

Hu qal li min jiftakar il-ġrajjiet tat-tmeninijiet forsi ħaseb li l-ġlieda għad-demokrazija kienet intemmet hemm, iżda llum qed nerġgħu ikollna nissieltu għad-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni.

Fid-diskors tiegħu f’din l-attività, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kull min jaħseb li l-ġlieda għad-demokrazija spiċċat, ikun qed jidneb kontra l-memorja ta’ Raymond Caruana, u li jkun għib għalina jekk il-mewt tiegħu tkun għalxejn.

Adrian Delia qabbel iż-żminijiet mgħoddija ma’ dawk tal-lum, fejn l-iskejjel mhumiex jingħalqu imma, xorta l-edukazzjoni hija mhedda, u l-qrati mhux qed jitkissru fiżikament, imma nħatfu mill-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Dione Borg kixfu plakka kommemorattiva fuq il-faċċata tal-każin li qed tippreserva wieħed mit-tiri li kienu ġew sparati dakinhar tal-5 ta’ Diċembru tal-1986 u li għadhom jidhru sal-lum.

Preżenti għal din l-attività kien hemm diversi deputati w kandidati tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ residenti Gudjani u familjari ta’ Raymond Caruana.