Arsenal se jkunu qed jilagħbu l-ewwel finali ta’ kompetizzjoni Ewropea mill-istaġun 2005/2006 meta rnexxielhom jegħlbu l-ostaklu ta’ Valencia fil-Mestalla b’rebħa oħra din id-darba ta’ 4-2 biex għaddew b’total ta’ 7-3.
Għal Arsenal din kienet l-ewwel rebħa kontra avversarji Spanjoli wara tmien logħbiet, bl-attakkant Pierre-Emerick Aubameyang ikun strumentali bi tripletta li biha skorja 29 gowl f’dan l-istaġun. Għal Unai Emery din hi possibbiltà oħra li jirbaħ din il-kompetizzjoni li rebaħha tliet darbiet ma’ Sevilla.
Valencia fetħu tajjeb u wara tmien minuti xutt b’saħħtu ta’ Goncalo Guedes li għadda ftit għoli. Valencia marru minn fuq fil-11-il minuta meta f’azzjoni maħduma tajba, il-kross ta’ Rodrigo sab lil KEVIN GAMIERO li għeleb lil Petr Cech mill-viċin.
Sa dak il-ħin huma riedu gowl ieħor biex jikkwalifikaw iżda Arsenal kellhom ħsibijiet oħra meta fis-17-il minuta ġabu d-draw f’okkażjoni rari. Minn ballun fit-tul, Alexandre Lacazette għadda bir-ras lejn PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG li għeleb lil Neto b’xutt għar-rokna mill-kaxxa.
Il-Gunners marru fil-vantaġġ fil-50 minuta bil-midfielder Lucas Torreira jgħaddi fil-kaxxa lejn ALEXANDRE LACAZETTE li f’azzjoni persistenti żamm il-ballun u skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna. Valencia baqgħu jittamaw u fit-58 minuta ġabu d-draw b’Dani Parejo jqassam lejn Daniel Wass li tefa’ kross fil-baxx lejn Rodrigo, bix-xutt tiegħu jkun blokkat minn KEVIN GAMEIRO li fl-istess ħin spiċċa biex skorja mill-viċin.
Huma kellhom bżonn tliet gowls oħra iżda Arsenal għalqu l-kwalifikazzjoni fid-69 minuta b’azzjoni tajba mil-lemin ta’ Ainsley Maitland-Niles lejn PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG li daħal tajjeb biex skorja fil-baxx fuq l-ewwel lasta.
Arsenal issiġillaw il-passaġġ tagħhom lejn il-finali fid-89 minuta, bis-sostitut Henrikh Mkhitaryan iqassam tajjeb lejn PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG li għadda l-ballun fuq Neto b’xutt b’saħħtu.
//= $special ?>