Anzjana ta’ 85 sena li aktar kmieni din il-ġimgħa ddaħħlet għall-kura fl-Isptar Steward f’Għawdex, intbagħtet lura d-dar wara li min eżaminaha ma sabilha xejn ħażin fil-kundizzjoni ta’ saħħitha.
L-anzjana ddaħħlet l-Isptar Steward nhar it-Tlieta li għadda filgħodu u tard filgħodu rritornat id-dar fejn iżda sa filgħaxija kompliet f’termini ta’ saħħa tmur għall-aħħar tant li l-familjari tagħha kienu tassew inkwetati.
Minħabba f’hekk din l-anzjana, li sa ftit sigħat biss qabel kienet fuq tagħha u għal kollox indipendenti, reġgħet iddaħħlet l-Isptar Steward u l-ewwel kliem li bihom intlaqgħet din il-familja minn tabib li kien xogħol kien: “Għalfejn erġajtu ġejtu? Mhux kollox sabulha sew dalgħodu?”
Il-familjari ta’ din l-anzjana, maħsuba b’din l-imġiba u b’dan il-kliem xokkanti, ippruvaw ifissru li l-anzjana kienet qed tiddeterjora aktar ma jgħaddi l-ħin u l-kundizzjoni ta’ saħħitha kienet sejra lura b’rata mgħaġġla u għalhekk kien evidenti li din il-mara fil-kundizzjoni li kienet, kellha bżonn xi tip ta’ kura immedjata.
Sadattant l-istess familjari kienu għamlu xi tip ta’ riċerka dwar dak li kienet għaddejja minnu din l-anzjana u kollox ippunta li din kienet taħt attakk ta’ puplesija. Kien għalhekk li issa aktar minn qatt qabel meħtieġ li lil din l-anzjana tingħatalha l-kura li kellha bżonn fl-Isptar Stewart.
Lit-tabib li laqa’ lil din il-familja b’tonalità xejn sabiħa, il-membri ta’ din il-familja qalulu li ried ma jkollux għajnejh f’wiċċu biex ma jirrealizzax u ma jindunax li l-anzjana kienet mgħadura tassew u kienet fi ħtieġa urġenti ta’ xi tip ta’ attenzjoni medika.
Finalment min kien xogħol fl-Isptar Steward iddeċieda li għal dak il-lejl l-anzjana tinżamm għall-kura fl-Isptar, anki biex isirulha aktar testijiet mediċi.
L-għada l-Erbgħa familjari ta’ din l-anzjana rċevew telefonata mill-Isptar Steward biex imorru għal din l-anzjana biex jeħduha lura d-dar. Appena dawn marru huma sabu li din l-anzjana tassew li kienet f’sitwazzjoni ta’ saħħa ħażina ħafna u fil-fatt mil-lejl għan-nhar kienet kompliet sejra lura f’termini ta’ saħħa. Kważi nofs ġisimha kien paralizzat u din ix-xena ta’ tkexkix kienet ta’ trawma għall-istess familjari.
Il-familjari ta’ din l-anzjana talbu biex jingħataw xi tip ta’ rapport dwar il-kundizzjoni ta’ saħħet tal-anzjana, iżda huma baqgħu ma ngħataw l-ebda rapport mediku li kien jispjega l-kundizzjoni ta’ saħħet l-anzjana.
Issa l-anzjana tinsab f’qiegħ ta’ sodda u kollox jindika li minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni medika immedjata, din se tibqa’ tgħix il-kumplament ta’ ħajjitha f’din is-sitwazzjoni…jiġifieri wiċċha ‘l fuq fuq is-sodda.
Qraba ta’ din l-anzjana vulnerabbli huma għal kollox irrabjati għall-Isptar Steward li f’dan il-każ partikulari, għal darba oħra, urew nuqqas ta’ sensittività u rispett lejn id-dinjità ta’ din l-anzjana fl-aktar mument vulnerabbli ta’ ħajjitha.
Dawn il-familjari issa qed jesiġu spjegazzjoni għal din l-imġiba għal kollox irresponsabbli u negliġenti fil-konfront ta’ din l-anzjana li meta talbet l-għajnuna tal-Isptar Steward sabet il-bibien kollha magħluqa bir-riżultat li issa hi wiċċha ‘l fuq fuq sodda.