Futbol Sport

Balzan u Birkirkara iħarsu lejn post fil-finali biex jibqgħu b’ċans ukoll għal post fl-Europa League

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-konfront bejn Balzan u Birkirkara ta’ għada għandu tifsira doppja hekk kif minbarra li jridu jikkwalifikaw biex jilagħbu l-finali, jibqgħu b’ċans li jidħlu fl-Europa League għas-spejjeż ta’ Ħamrun Spartans u jsalvaw staġun diżappuntanti.

Balzan fl-istaġun li għadda spiċċaw fit-tieni post wara li naqsu li jisfurzaw decider għar-rebħ tal-kampjonat b’telfa fl-aħħar logħba tal-kampjonat. Dan l-istaġun kien aktar diffiċli hekk kif mill-bidu tal-istaġun nqatgħu mill-ewwel postijiet. Birkirkara kellhom staġun agħar hekk kif wara r-raba’ post tal-istaġun li għadda, f’dan l-istaġun spiċċaw fis-seba’ post li hi l-agħar pożizzjoni fil-klassifika f’25 sena.

“It-Trophy hi tragward importanti għalina għaliex tagħtina ċans għal possibbiltà ta’ rebħ ta’ titlu li jkun l-ewwel wieħed fl-istorja ta’ Balzan. Tim li bħalna ma kellux staġun sodisfaċenti għalina hi aktar importanti u għandha tkun logħba akkanita. J’alla l-aqwa tim jirbaħ,” qal il-kowċ ta’ Balzan Jacques Scerri.

Id-difensur ta’ Birkirkara Nikola Vukanac iddeskriva din il-logħba bħala l-aħħar ċans għalihom biex isalvaw staġun diżappuntanti. Hu qal li mhux se tkun faċli għalihom, l-aktar minħabba l-kwalità tal-plejers ta’ Balzan.

Fl-għaxar logħbiet li Jacques Scerri mexxa lit-tim fil-kampjonat, Balzan kisbu erba’ rebħiet, erba’ draw u żewġ telfiet kontra Valletta u Hibernians. Huma skorjaw 11-il gowl u sofrew disa’ gowls, b’ħamsa minnhom jaslu fl-aħħar logħba tal-kampjonat kontra Hibernians. B’dan ir-rendiment, Balzan baqgħu b’ċans li jtemmu mal-ewwel erbgħa għalkemm spiċċaw il-kampjonat fis-sitt post. Scerri qal li l-aħħar riżultati waslu mertu tal-plejers u żied li kien kuntent bil-prestazzjoni fl-aħħar logħba kontra Tarxien.

L-avversarji fil-kwarti tal-finali għal dawk ta’ għada huma differenti, b’Scerri jsostni li hu dejjem jadatta għall-avversarju. “Aħna ninsabu konxji wkoll mis-saħħa tagħna u nippruvaw nibnu fuq it-tajjeb li għandna.”

Vukanac hu wieħed mill-plejers l-aktar b’esperjenza fit-tim ta’ Birkirkara. Fl-età ta’ 33 sena, Vukanac għandu rwol ukoll li jmexxi liż-żgħażagħ. Hu ma ċaħadx li għandu din ir-responsabbiltà, anzi saħaq li jittama li jgħinhom biex jaraw l-affarijiet minn lenti differenti. Hu kellu kliem ta’ tifħir għal kowċ John Buttigieg u żied li huma għandhom rispett lejh u l-iskwadra qed toqgħod ftit ftit għall-istruzzjonijiet tiegħu.

Mistoqsi x’inhi l-akbar saħħa ta’ Balzan bħalissa, Jacques Scerri jemmen li l-kollettiv u d-dixxiplina tattika huma żewġ elementi importanti fit-tim u żied li l-esperjenza ta’ diżappunti fi staġuni passati, tista’ tkun importanti f’dan l-istadju.

F’dan l-istaġun fil-kampjonat, Birkirkara rebħu l-ewwel logħba 1-0, bit-tieni konfront jintemm fi draw ta’ mingħajr gowls. Miż-żewġ logħbiet kien hemm bidla fil-kowċis hekk kif f’Awwissu Marco Micovic kien kowċ ta’ Balzan u Paul Zammit kowċ ta’ Birkirkara, f’Jannar għamel id-debutt id-Direttur Sportiv John Arne Riise u għal din il-logħba se jkun żewġ kowċis ġodda. Għalhekk ir-riżultati miksuba f’dan l-istaġun mhux bilfors jagħtu mera ta’ dak li se jiġri llum.

F’inizjattiva ġdida, l-MFA ħabbret li r-referee ta’ din il-logħba se jkun Fyodor Zammit.