Kultura Lokali

Earth Garden ikkonfermat mill-ġdid għat-13-il edizzjoni

Earth Garden, wieħed mill-akbar avvennimenti mużikali mistennija f’Malta, se jirritorna għat-tlettax -il sena tiegħu.

Meqjus bħala wieħed mill-iktar festivals popolari fil-qasam tal-mużika alternattiva kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa, il-Festival huwa mqassam fuq erbat ijiem ta’ miġja mużikali ta’ kwalità, imħabba u stil ta’ ħajja.

Earth Garden ser jigi mtella’ fil-Park Nazzjonali ġewwa Ta’ Qali, li ser jinbidel f’villaġġ tal-mużika b’ħames żoni u madwar 120 artist. Dan il-festival ser ikun imżewwaq b’tipi differenti ta’ mużika li se jolqtu l-gosti ta’ kulħadd fosthom: il-Blues, Alternative RockAlternative Rock, Dub, Hip-Hop, Psychedelic Trance, Techno, Acid, House, Electro, Drum ‘n’ Bass u ħafna iktar.

L-element prinċipali f’dan l-avvenniment huwa r-Roots Stage bi 22 artist. Apparti lista ta’ artisti internazzjonali, hemm ukoll uħud mill-aqwa artisti lokali bħal Brikkuni, The Riffs, Tribali, ManaTapu u ħafna iktar.

L-Enchanted Forest hija żona oħra li ilha hemm mill-bidu nett u hija wkoll waħda mill-iktar żoni mfittxija min-nies. Din iż-żona toffri live afternoon sessions minn artisti internazzjonali kif ukoll lokali b’muzika li tvarja minn World Music, Reggae, Dub, Ska, Hip-Hop sa Funk.

ilwaqt li jekk it-Techno u l-muzika elettronika huma l-istili preferiti mela l-Electronic Sphere u Strawberry Hill huma żoni li m’għandekx titlef. Tul is-snin, dawn iż-żewġ żoni kibru drastikament fil-fatt insibu taħlita interessanti ta’ artisti lokali kif ukoll internazzjonali li jinkludu lil Matrixxman, Lucy, Atmos u Billy Nasty, kif ukoll lil Brian James (Unfocused) li ser ikun qed jaghti l-prestazzjoni tiegħu s-Sibt l-ewwel ta’ Ġunju fejn ser ikun qed jiċċelebra t-tletin sena tiegħu fix-xena tal-mużika.

Żona oħra li tattira ħafna nies hija l-Music Playground. Din iż-żona hija ffurmata speċifikament għal jamming fejn mużiċisti u kantanti differenti jikkollaboraw flimkien u fejn l-element spontanju jispikka f’dan il-ħin.

Minkejja li l-Earth Garden huwa marbut ma’ stili differenti ta’ mużika, l-għan ta’ dan il-festival huwa li jgħaqqad in-nies fejn flimkien niċċelebbraw il-kultura, l-komunità, l-kreattività, id-diversita u l-ispirazzjoni.

Il-festival joffri wkoll Food Court b’ikel internazzjonali, Healing, Yoga u zona ghal meditazzjoni b’workshops varji, suq etniku, żewġ areas fid-dell għal camping u Fun Park għat-tfal.

Għal dawk li jixtiequ jikkampjaw baqa’ l-aħħar ftit biljetti li jistgħu jinxtraw minn ticketline.com.mt jew minn Surplus and Adventure u dawk li jridu l-facilita ta’ pre-pitched tents jistgħu japplikaw għalihom minn fuq is-sit uffiċjali www.earthgarden.com.mt

Għal dawk li jixtiequ biljetti li jkopru d-dħul għal erba’ t’ijiem mingħajr il-camping, il-biljetti jistgħu jinxtraw online minn fuq ticketline.com.mt jew inkella minn; Xemxjia Pitstop, Jubilee Outlets, Dr. Juice Outlets, Bongo Nyah, Zeppi’s (Gozo) u Zurrieq Band club.

Din is-sena Earth Garden se jittella’ mit- 30 ta’ Mejju sat-2 ta’ Ġunju fil-Park Nazzjonali Ta’ Qali.