Lokali

Ftit jiem qabel l-elezzjoni jħabbru proġett fl-Imsida … imma ma jafux meta se jibda

Il-Gvern Soċjalista, f’ferneżija biex iwiegħed kollox lil kulħadd lejliet l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, għamel konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbar proġett fl-Imsida li lanqas biss jafu meta se jibda.

Mistoqsija mill-ġurnalisti, dawk preżenti kellhom jammettu li lanqas il-permessi għadhom ma ħarġu, kif jiddikjara Gino Cauchi … eks Deputat Laburista u Manager tas-Super One li llum huwa il-Kap Eżekuttiv tal-Grand Harbour Regeneration Committee.

“Jiddependi l-permessi kemm se jdumu biex joħorġu. Nittamaw, nittamaw, li sal-aħħar ta’ din is-sena jkun beda x-xogħol. Wara s-sajf,” iddikjara Gino Cauchi.

U minkejja li kellhom jammettu li jittamaw li x-xogħol jibda tmien xhur oħra … forsi … xorta waħda għamlu konferenza tal-aħbarijiet ftit jiem qabel l-elezzjoni. Dan avolja d-diskussjonijiet dwar dan il-proġett ilhom għaddejjin mill-inqas sentejn.

Il-proġett, li suppost jinkludi t-twessija tal-promenade li tgħaqqad l-Imsida sa Ta’ Xbiex, se jwassal biex lis-sajjieda jitteħdilhom passaġġ li fil-preżent jużaw biex jaċċessaw id-dgħajjes tagħhom.

Il-Gvern Soċjalista kien sfurzat jagħmel din il-konferenza tal-aħbarijiet frott il-problemi li għandu fil-Kunsill Lokali tal-Imsida.

Dan wara li konfoffa bejn il-Kunsillieri Laburisti mat-tmexxija tal-Partit innifsu wasslet lill-eks Kunsillier Laburista fl-Imsida Lino Bartolo biex jippreżenta r-riżenja tiegħu minn Kunsillier f’isem il-Partit Laburista.

Sadattant, biex itellgħu din il-konferenza tal-aħbarijiet, saħansitra nħolqot konġestjoni tat-traffiku hekk kif il-vetturi tal-esponenti Laburisti mblukkaw is-slipway u persuni qrib il-Ministru Konrad Mizzi ordnaw lil xufier ta’ trailer biex jistennihom għal nofs siegħa mal-ġenb tat-triq qabel ikun jista’ jniżżel id-dgħajsa.