Sport Waterpolo

Guillermo Molina se jirritorna ma’ San Ġiljan għall-Kampjonat tas-sajf li ġej

San Ġiljan se jkunu qed iduru fuq eks plejer tagħhom bl-għan li jerġgħu jirbħu l-kampjonat tas-sajf hekk kif ħabbru li Guillermo Molina se jilgħab magħhom f’kampjonat li mistenni jkun missielet.

Molina lagħab l-ewwel darba f’pajjiżna fl-2015 meta ngħaqad ma’ San Ġiljan u flimkien ma’ Boris Vapenski kien strumentali biex San Ġiljan irritornaw għar-rebħ tal-kampjonat u n-knock-out wara nuqqas ta’ 20 sena. F’dak l-istaġun, Molina kien skorja 39 gowl f’14-il logħba tal-kampjonat u seba’ gowls oħra fin-knock-out. Fl-2017 hu lagħab ma’ Sliema u minkejja li skorja 36 gowl fi 15-il logħba tal-kampjonat, naqas li jħalli l-impatt mixtieq biex Sliema jiksbu suċċess.

Molina li għandu 35 sena hu Spanjol iżda b’passaport Taljan u mill-2017 ifforma parti mit-tim Taljan immexxi minn Sandro Campagna. Fl-2001 hu rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja ma’ Spanja u fl-2009 spiċċa fit-tieni post, kif ukoll rebaħ darbtejn il-Kampjonat tal-Mediterran mal-Ispanjoli. Hu lagħab ukoll fl-aħħar erba’ edizzjonijiet tal-Olimpjadi.

Molina ilu jilgħab għal diversi snin fil-kampjonat Taljan A1 u bħalissa qed jilgħab maċ-champions Taljani Pro Recco li fl-aħħar snin iddominaw il-waterpolo Taljan. Mal-istess tim jilgħab ukoll il-Kroat ta’ 33 sena Niksa Dobud li se jkun il-barrani l-ieħor mal-Ġiljaniżi.

Tags