Futbol Sport

Gżira jfittxu l-ewwel finali wara 46 sena u Valletta jimmiraw għat-tieni finali konsekuttiva

(Ritratt: Joseph Galea)

Iż-żewġ konfronti fil-kampjonat bejn Gżira United u Valletta ntemmu fi draw u għalhekk jagħti preludju ta’ dwell ieħor missielet. Gżira United ġejjin minn perjodu ftit rilassat hekk kif minn meta ntemm il-kampjonat ġimagħtejn ilu, lagħbu l-ħin barrani kontra Pietà biss.

Valletta fuq in-naħa l-oħra, wara l-aħħar logħba tal-kampjonat kontra Ħamrun, lagħbu decider għar-rebħ tal-kampjonat kontra Hibernians u reġgħu lagħbu kontrihom fost il-ġimgħa fil-kwarti tal-finali, żewġ logħbiet li fihom lagħbu wkoll il-ħin barrani.

Il-kowċ ta’ Valletta Gilbert Agius qal li kienet ġimgħa impenjattiva iżda deħlin għal din il-logħba b’moral differenti minħabba li huma champions. Hu kompla li kienu jafu b’din il-possibbiltà li jilagħbu tliet logħbiet f’ġimgħa u għalhekk saħaq li jkun ipokrita jekk iġib skuża fuq dan il-fatt. “Is-semifinali hi logħba ta’ prestiġju għaliex l-FA Trophy ittik sodisfazzjoni partikolari,” kompla Agius.

Il-kowċ Belti kellu sitt plejers neqsin fil-logħba tal-Erbgħa li għadda kontra Hibernians, b’Agius ma jiżvelax liema skwadra se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu. “Irrid ngħid grazzi lit-tim mediku tagħna li għamel l-aħjar possibbli biex il-plejers ikunu fl-aħjar kundizzjoni. Se jilgħab min ikun fiżikament l-aħjar,” qal Agius.

Jesmond Zerafa qal li mhix faċli li tim jilgħab tliet logħbiet f’ġimgħa iżda sostna li huma għandhom logħba diffiċli quddiemhom għaliex se jilagħbu kontra ċ-champions. “It-Trophy hi differenti għaliex hi dak li jiġri fil-ġurnata tal-partita u ma tkunx tista’ tirkupra. Kulħadd jaf il-qawwa tal-Belt speċjalment b’moral għoli.”

Il-kowċ ta’ Gżira kellu kliem ta’ tifħir għal Valletta wara ż-żewġ rebħiet kontra Hibernians u osserva b’mod pożittv li fil-logħba tal-FA Trophy kontra l-Pawlisti, “Valletta lagħbu mingħajr pressjoni.” Hu kkonferma li din il-logħba għalihom bħala klabb hi importanti iżda wissa li “kieku jien plejer ta’ Gżira l-logħba din il-logħba hi aktar importanti imma ma tirbaħx l-unuri bil-plejers biss.”

Gilbert Agius ammetta li t-tragward ta’ Valletta kien li jirbħu l-kampjonat iżda sostna li “bil-grinta u l-għatx li l-plejers kellhom kontra Hibernians urew li jridu jkomplu jirbħu.” Bħal Zerafa, Agius wissa li ma għandhomx iħarsu lejn l-objettiv finali għaliex jistgħu jeħlu fl-ostaklu li jmiss.

Mistoqsi dwar id-differenza li ħass mill-bidu tat-tmexxija tiegħu bħala kowċ ta’ Valletta sa issa, Gilbert Agius qal li qabel wieħed jesperjenza l-ħaġa ma jkunx jaf x’se jiġri. Hu żied li hu mħallas biex jgħin lit-tim u meta ntalab biex jieħu t-tmexxija għamel dan biex jgħin kif jista’.

Ir-referee għal din il-logħba se jkun Alan Mario Sant.