Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern jinjora l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop permezz ta’ stqarrija wera d-diżappunt li lbieraħ ġie l-Ministru Ian Borg ġo Tas-Sliema fejn f’isem il-Gvern għamel konferenza tal-Aħbarijiet li fiha elenka xi xogħolijiet li qieghed iwiegħed li ser jagħmel fix-xhur li gejjin.

Huwa qal li r-residenti ta’ Tas-Sliema għandhom ikunu infurmati li l-Kunsill Lokali la kien infurmat u lanqas mistieden ghal din il-konferenza stampa, id-diżappunt jikber meta huwa fatt magħruf li l-Kunsill ta’ Tas-Sliema dejjem ħadem f`għaqda u fl-interess aħħari tal-lokalità kollha. Kien propju għalhekk li kemm jien kif ukoll numru ta’ kunsilliera ma konniex preżenti.

Kien ikun f’waqtu u xieraq li kieku l-Ministru stieden lill-Kunsill Lokali sabiex fost l-oħrajn kont nistaqsih fejn wasslet l-iskema tal-parkeġġ għar-residenti, skema li l-Gvern kien irrevoka l-implimentazzjoni taghha appena bdiet tiġi applikata, jew meta kien se jingħata bidu għax-xogħol imwiegħed  b`intervent suppost ta’ emerġenza, ħafna żmien ilu, f`parti minn Triq Sant`Elena biex tiġi riżolta sitwazzjoni ta` flooding f`xi djar ta’ residenti fl-inħawi.

Is-Sindku sostna li dak li ġara lbieraħ f’Tas-Sliema ma jagħtix ġieħ u jkompli joħroġ iktar il-fatt li l-Kunsilli Lokali qiegħdin jiġu dejjem iktar imwarrba.

Il-bdil fit-titlu minn Kunsill Lokali għal dak ta’ Gvern Lokali li tħabbar fir-riforma dan l-aħħar jidher li huwa biss xi ħaġa kosmetika.