Kultura Lokali

Il-Ħarsa ta’ Rużann – Verżjoni Pop għat-teatru tar-rumanzett ta’ Francis Ebejer

Bejn is-17 u d-19 ta’ Mejju fit-Teatru ta’ Spazju Kreattiv tal-Belt Valletta, qed jittella’ adattament pop tar-rumanzett ta’ Francis Ebejer “Il-Ħarsa ta’ Rużann”. Il-kitba għall-palk u d-direzzjoni huma ta’ Jamie Cardona, żghażugh ta’ 18-il sena, li jitfa’ element qawwi ta’ energija u kreattivita’ żgħażugħa f’din il-produzzjoni ibbażata fuq rumanzett li nkiteb għexieren ta’ snin ilu.

Wieħed mir-rumanzetti l-iktar favoriti ta’ Francis Ebejer

F’dan ir-rumanzett, meqjus bħala wieħed mill-aktar favoriti, Francis Ebejer imiss diversi temi fil-Ħarsa ta’ Rużann, fosthom l-emancipazzjoni tal-Maltin fis-soċjeta, l-iżvilupp, il-klassi soċjali, l-ugwaljanza, is-sistema fewdali, il-mara, li meta wiħed jieħu stampa mifruxa tas-soċjeta’, mill-ewwel jinduna li kollha għadhom relevanti sew fl-2019. Meta tkellimna ma’ Damien Ebejer – it-tifel ta’ Francis Ebejer, stqarr li dan ir-rumanzett kien diġa inkiteb darbtejn, sakemm finalment Ebejer ippublika il-verzjoni li għandna llum, għaliex ried li l-verzjoni finali tkun ezatt kif immaġinaha f’moħħu qabel kitibha. Ebejer jirnexxielu joħroġ l-elementi tal-karattru msaħħaħ li għandna llum il-ġurnata bħala ċittadini ta’ din il-ħuta żgħira f’nofs Mediterran u Ewropa mimlija kurrenti u ideoloġiji li f’mumenti jikkuntrastaw.

Sarah Camilleri, Ron u Shelby jirrakkuntaw l-istorja

Jamie Cardona juża 3 karattri li jirrapprezentaw il-poplu Malti u jirrakkuntaw l-istorja tal-Ħarsa ta’ Rużann b’mod kontemporanju – interpretati minn Sarah Camilleri, Ron u Shelby Aquilina. Ir-rapprezentazzjoni hi mmirata li toffri siegħa ta’ xogħol ta’ Francis Ebejer b’libsa pop . Siegħa ta’ teatru li  tirrapreżenta l-emanċipazzjoni tal-Maltin fis-soċjeta, ta’ kuntrasti bejn il-kultura Maltija u dik barranija…ta’ mumenti serji u oħrajn inqas serji. Siegħa li tagħti l-aqwa riklam possibli tal-letteratura Maltija.

L-eżami tal-matrikola

Dan ir-Rumanzett hu parti mill-materjal li l-istudenti jippreparaw għall-ezami tal-Malti tal-O level – B’hekk l-istudenti tas-sekondarja, b’mod partikolari tal-Form 4 (Year 10) għandhom ċans isegwu produzjoni li tivviżwalizza ix-xogħol li jagħlu fil-klassi. Apparti dan, il-produzzjoni toffri konċessjoni mal-bieb għall-istudenti li jattendu.i

Biljetti jinbiegħu online fuq www.kreattivita.org għal €12 u €10 għal studenti u anzjani. Ir-rappreżentazzjonijiet jittellgħu l-Ġimgħa 17 ta’ Mejju fit-8pm, is-Sibt 18 ta’ Mejju fis-6pm u fit-8pm u l-Ħadd 19 ta’ Mejju fis-6pm u fit-8pm.