Lokali

Il-Maersk tittrasferixxi parti mill-operat tagħha minn Malta lejn l-Afrika ta’ Fuq

L-ikbar kumpanija li tittrasporta l-kontejners bil-baħar, il-Maersk, mhux se tibqa’ tuża lil Malta bħala bażi biex tforni s-suq lokali mil-Lvant Nofsani.

Net News jista’ jikkonferma li l-kumpanija se tmexxi l-operat tagħha lejn port ieħor, fl-Afrika ta’ Fuq. Tant hu hekk li x-xogħol tal-Maersk fil-Port Ħieles ta’ Malta diġa’ beda jonqos drastikament u ilu jonqos għal mill-inqas l-aħħar xahrejn.

Ikkonferma dan anke kelliem għall-kumpanija Thomas Smith, li ilha għall-aħħar snin tirrappreżenta lill-Maersk Line f’Malta u li għandha esperjenza vasta fis-settur.

F’risposta għall-mistoqsijiet ta’ dan is-sit, il-kumpanija Thomas Smith iddikjarat li fil-preżent, materjal destinat jew li joriġina minn Malta qed jgħaddi minn Port Said, fl-Eġittu. Il-Maersk se tibda tuża wkoll faċilitajiet tagħha f’Tangier, il-Marokk.

Dan ifisser li Malta mhux se tibqa’ bażi tal-kumpanija għal xogħol relatat mal-Lvant Nofsani, b’keliem għall-Port Ħieles jikkonferma li b’hekk f’Malta qed iżżomm biss ir-rotot tal-Amerika t’Isfel u n-Nofsinhar tal-Ewropa.

L-istess kumpanija, Thomas Smith, iddikjarat li din il-mossa tfisser bidla fil-mod kif topera l-Maersk u għandha l-iskop li jkun hemm sinerġija ikbar, iktar effiċjenza kif ukoll inqas spejjeż. Tippreċiża wkoll li, madankollu, il-Maersk xorta waħda se tibqa’ tuża xi servizzi fil-Port Ħieles.

Minkejja dan, din id-deċiżjoni se jkollha impatt qawwi fuq il-ħaddiema tal-Port Ħieles. Tant hu hekk li Net News jinsab infurmat li l-ħaddiema se jkunu afettwati negattivament f’dak li għandu x’jaqsam mal-overtime tagħhom waqt li ntalbu jieħdu l-leave tagħhom f’dan il-perjodu, sakemm il-Freeport jipprova jattira kumpaniji ġodda u jirkupra minn din id-daqqa.

Fl-aħħar ġimgħat, il-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema kellhom laqgħat mal-amministrazzjoni tal-Freeport dwar din il-kwistjoni.

Dan anke fid-dawl li, kif tispjega l-kumpanija Thomas Smith, il-Maersk hi kumpanija ewlenija għall-Freeport waqt li l-wasliet tal-vapuri tal-istess kumpanija f’Malta kienu jfissru dħul maġġuri għall-ekonomija ta’ Malta minħabba n-numru ta’ servizzi neċessarji.