Ambjent Lokali

Il-PN huwa kommess fuq il-prinċipju li jeqred l-użu tas-single use plastics

Il-Partit Soċjalista qed jagħmel u-turn b'konvenjenza

Huwa surreali għall-aħħar kif il-Partit Soċjalista fl-Oppożizzjoni jniżżel lin-nies fit-toroq jipprotestaw kontra l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fuq it-taxxa ambjentali maħsuba li teqred il-boroż tal-plastik u llum, għaxar snin wara, il-Partit Soċjalista fil-Gvern jgħidilna li għandu viżjoni ambjentali għax se jeqred l-użu tal-boroż tal-plastik.

Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi u mill-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Brigiglio.

Huwa surreali għall-aħħar kif il-Ministru għal-Ambjent illum jgħidilna li dak li għamel il-predeċessur tiegħu kien hażin u żbaljat għax effettivament Leo Brincat Ministru tal-Ambjent ħalli l-użu tal-boroż tal-plastik jerġa’ jibda għax żarma l-eko-kontribuzzjoni fuq dan il-prodott li jinkwina l-ambjent. Ħames snin wara l-Ministru preżenti jgħidilna li issa se jwaqqaf l-użu tal-basktijiet tal-plastik bħallikieku huwa xi paladin tal-ambjent.

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jinsab kommess li jeqred l-użu tas-single use plastics.