Kummerċ Lokali

Il-PN se jgħin lill-ħwienet, self-employed u negozji żgħar jindirizzaw it-tnaqqis fil-bejgħ u l-isfidi onlajn

Se niddefendu lil tal-ħwienet mit-theddida tas-Soċjalisti Ewropej li jridu taxxa waħda komuni fl-Ewropa kollha

“Se noffru tama ġdida lil tal-ħwienet, lis-self employed u lin-negozi żgħar billi ngħinuhom jindirizzaw it-tnaqqis fil-bejgħ u l-isfidi li qed jaffaċjaw inkluż dawk ta’ bejgħ onlajn. Se nkunu magħhom biex niddefendu lil pajjiżna mit-theddida tal-Partit Soċjalista li jrid taxxa waħda Ewropea li tkisser in-negozju Malti u l-impiegi ta’ eluf ta’ Maltin u Ghawdxin.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt laqgħa mal-GRTU.

Skond statistika tal-Eurostat, il-bejgħ mill-hwienet f’pajjiżna naqas bejn Frar u Marzu għat-tieni xahar konsekuttiv. Dan filwaqt li fiż-żona ewro ma kien hemm l-ebda tnaqqis. Din l-istatistika turi b’mod ċar li l-effett tal-għoli tal-ħajja inkluż tal-prodotti essenzjali qed tolqot lill-familji inkluż il-middle class.

Adrian Delia qal li s-Soċjalisti Ewropej u Frans Timmermans iridu li jkun hawn taxxa waħda madwar l-Ewropa kollha u b’hekk pajjiżna jitlef id-dritt li jiddeċiedi hu fuq it-taxxa. Dan huwa inkwetanti għaliex hija theddida għall-impjiegi u l-investiment speċjalment għas-setturi ewlenin tal-ekonomija fosthom il-gaming u s-servizzi finanzjarji li għandhom pagi tajbin u jonfqu aktar mill-ħwienet. Huwa qal li l-PN se jkompli jiddefendi lill-ħwienet u mhux se jħalli lis-Soċjalisti Ewropej jagħmlu ħsara lil pajjiżna.

Adrian Delia qal li matul dawn l-aħħar xhur iltaqa’ ma’ eluf ta’ negozji żgħar u medji li kellmuh dwar kif naqsilhom il-bejgħ, u dan meta qed jiżdied il-bejgħ onlajn. Skont l-istatistika tal-Eurostat, f’Malta sitta minn kull għaxra jagħmlu jużu mill-internet biex jixtru. Fil-Parlament Ewropew il-PN ħadem biex nagħmlu liġi ġdida li tirregola l-pjattaformi onlajn u din tipporteġi lill-ħwienet iż-żgħar li jbiegħu onlajn. Din il-liġi se tkun qed tassigura li l-ħwienet iż-żgħar ikunu trattati tajjeb daqs kumpaniji kbar u tassigura kompetizzjoni ġusta.

Għal din il-laqgħa mal-GRTU flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed u Negozji Żgħar Edwin Vassallo, il-President tal-FSMEPN Andre Grech u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Id-delegazzjoni tal-GRTU kienet immexxija mill-President Paul Abela.