Lokali

“Irridu nkunu lesti għall-isfidi” – Adrian Delia

Ninsabu f’xifer ta’ rivoluzzjoni industrijali oħra, dik tal-intelliġenza artifiċjali. Kull rivoluzzjoni tgħaġġel iktar minn ta’ qabilha u dan hu vjaġġ li jippreżenta opportunitajiet kbar, iżda anki sfidi.

Sostna dan il-Kap tal-PN Adrian Delia meta indirizza konferenza nazzjonali organizzata mid-Dipartiment tal-Impjiegi u Relazzjonijiet bit-tema “Il-Futur tax-Xogħol” bi tħejjija għall-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol tal-ILO, li din is-sena qed tfakkar il-100 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Adrian Delia qal li dan hu taqlib drastiku li se jaffetwa ġenerazzjonijiet futuri, tip ta’ xogħolijiet, u attitudnijiet tal-ħaddiema. Dawn joffru sfidi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ edukazzjoni, riċerka, l-infrastruttura u l-kultura tagħna bħala poplu.

Fl-istess waqt, kompla Adrian Delia, iridu jiġu indirizzati  l-isfidi tal-preżent. Fosthom dik dwar in-nefqa tal-ħaddiema fejn għalkemm il-paga minima żdiedet, is-saħħa tal-infieq naqset għal 64% tal-ħaddiema.

Sfidi oħra li semma Adrian Delia huma t-tibdil fil-klima li għad iġib miegħu migrazzjoni tal-massa, il-pjaga tar-rata għolja tal-early school leavers, il-ħtieġa ta’ taħriġ u tagħlim tul il-ħajja. Qal ukoll li rridu nkunu iktar aggressivi biex nindirizzaw l-inugwaljanza bejn is-sessi u distinzjonijiet bejn tipi differenti ta’ xogħol.

Adrian Delia qal li l-futur hu dak li nagħmluh aħna, u quddiem dan it-tibdil kbir, iċ-ċokon tal-pajjiż jaf ikun ta’ vantaġġ.

Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat, illi minn naha tieghu sostna li d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel żdiedet minħabba li kien hemm żieda ta’ nisa fuq il-postijiet tax-xogħol.Il-Konferenza, li saret fil-Palazz ta’ Verdala, kienet indirizzata wkoll mill-President ta’ Malta George Vella u l-Ministru responsabbli mill-qasam tax-Xogħol Helena Dalli. Matul il-konferenza saru wkoll diskussjonijiet minn panels magħmulha minn rappreżentanti ta’ unions, min iħaddem, self-employed u aġenziji governattivi.