L-eks sewwieq tal-Formula 1 Alex Zanardi fi tmiem ix-xahar mistenni jkun Malta bl-għan li jaqsam l-esperjenzi tiegħu mal-pubbliku Malti. Id-dettalji ngħataw minn Robert Micallef, Direttur ta’ Avanza Academy li hija istituzzjoni edukattiva. Preżenti fil-konferenza stampa Philip Camilleri għal Enemed li flimkien ma’ Konica Minolta u Studio 7 se jgħinu fil-mawra ta’ Zanardi f’Malta.
L-avveniment għandu jsir fil-31 ta’ Mejju u t-tema ewlenija ser tkun “Sfrutta l-potenzjal tiegħek” fejn Zanardi mistenni jiddiskuti dak li għadda minnu matul il-karriera.

Alex Zanardi kien sewwieq tal-Formula 1 bejn l-1991 u l-1994 mat-timijiet ta’ Jordan, Minardi, Lotus u Williams iżda fl-1 ta’ Settembru 2001 seħħ inċident li bidel il-ħajja ta’ Zanardi. Kien fil-Euro Speedway Lausitz, f’mument meta t-tellieqa kienet qed toqrob biex tintemm, Zanardi kien tard fil-pitstop, bir-riżultat li l-vettura tiegħu ntlaqtet minn Alex Tagliani. Bl-impatt tilef riġlejh it-tnejn u kien biss intervent mediku fil-ħin li salvalu ħajtu.
Minkejja dan, b’riġlejn artifiċjali, ħa sehem fil-Kampjonat World Touring u fl-2006 rritorna fil-Formula 1 f’sessjoni ta’ Prova fi Spanja fuq BMW Sauber. Din is-sena bejn is-26-27 ta’ Jannar, ħa sehem fit-tellieqa diffiċli ta’ 24 siegħa f’Daytona. Apparti l-karriera tiegħu, fil-Paralimpjadi rebaħ żewġ midalji tad-deheb fl-2012 fl-Londra u żewġ midalji oħra fl-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016. Hu rebaħ ukoll 10 midalji tad-deheb u sitt midalji tal-fidda f’Kampjonati tad-Dinja għall- Paralimpiċi.
//= $special ?>