Lokali

Master plan Ewropew biex flimkien nirbħu l-ġlieda kontra l-kanċer

Flimkien, bħala Maltin u Ewropej, nistgħu nirbħu l-ġlieda kontra l-marda qerrieda tal-kanċer. Bħala Partit Nazzjonalista qed niproponu li l-Unjoni Ewropea jkollha master plan Ewropew kontra l-kanċer. Din hi wegħda ta’ tama għall-poplu Malti u Ewropew, u li diġà qed naħdmu fuqha ma’ Manfred Weber, il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għal President tal-Kummissjoni Ewropea. Aħna determinati li din il-ġlieda nirbħuha flimkien. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fiż-Żurrieq bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li l-Ewropa għandha r-riżorsi, it-teknoloġija, l-għarfien, l-abbiltà, u l-flus biex ngħelbu din il-marda kiefra li ħasdet il-ħajjiet ta’ ħafna qrib tagħna. Huwa qal li hemm bżonn il-ħsieb, l-istudji, ir-riċerka, u d-determinazzjoni politika, kif ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Delia qal li din hi t-tip ta’ politika tal-Partit Nazzjonalista, fejn ma jkunx hemm ġlied bejn il-persuni. “Aħna nemmnu li qegħdin fil-politika biex nagħmlu t-tajjeb. Jekk hemm għadu li nistgħu nirbħu, dan hu l-kanċer. Flimkien nistgħu nagħmluha,” insista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

F’Malta, 2,000 persuna fis-sena jiġu ċċertifikati li qed ibatu mill-kanċer, filwaqt li persuna minn kull 4 qed tmur minħabba din il-marda. “Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern investa fil-ġlieda kontra l-kanċer, bi programmi ta’ screening u anke bl-isptar tal-onkoloġija. Issa rridu li l-iscreening ikun aktar wiesgħa għal tipi ta’ kanċer ieħor, kif ukoll li nevitaw il-kanċer jekk inkunu nafu bih qabel,” qal Adrian Delia. Proposti oħra huma ż-żieda ta’ fondi Ewropej kif ukoll ta’ appoġġ ħolistiku mhux biss għall-pazjenti, imma anke għall-qraba.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-istatistika tal-Eurostat li poġġiet lil Malta fost l-agħar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-arja. “Qed inħallsu l-prezz ta’ dan kollu għaliex 10 persuni fil-ġimgħa f’Malta jmutu qabel iż-żmien minħabba l-kwalità tal-arja. Aktar minn persuna kuljum,” spjega Adrian Delia. Huwa qal li l-Gvern Soċjalista, flok jirrikonoxxi dan il-fatt, qed jara ż-żieda tal-karozzi fit-toroq Maltin u Għawdxin, u qed iwessa’ t-toroq kif ukoll jonfoq il-flus biex jirranġa t-toroq, li jfisser li jrid aktar karozzi u konsegwentament aktar tniġġis fl-arja. Aħna rridu sistema ta’ trasport pubbliku li ma tniġġisx, li tkun effiċjenti, fil-ħin u li twasslek fejn għandek bżonn,” temm jgħid Adrian Delia.