Wara li l-Partit Nazzjonalista ressaq 30 proposta konkreta sabiex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer, dawn il-proposti issa se jiġu indirizzati fuq livell Ewropew permezz ta’ master plan Ewropew kontra l-kanċer. Dan juri li l-Partit Nazzjonalista huwa partit pożittiv u propożittiv u kif għandu l-ideat biex ikompli jġib l-aħjar mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Stellini waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.
Is-saħħa minn dejjem kienet prijorità ghall-Partit Nazzjonalista u fil-manifest elettorali tiegħu, qed jipproponi skambju ta’ informazzjoni, titjib fil-prevenzjoni tal-kanċer permezz ta’ programmi ta’ screening, investiment akbar fir-riċerka tal-kanċer, aċċessibilità akbar tal-ehealth, li tkun assigurata kwalità tajba tal-ikel li jkun disponibbli fis-suq u li jkun hemm implimentazzjoni fil-ħin tal-iskema tal-frott u ħaxix li jitqassam b’xejn fl-iskejjel, miżuri li huma kollha importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer.
Stephen Spiteri qal li bosta tfal li jaqbadhom il-kanċer ifiequ u għaldaqstant irridu ninvestu aktar fir-riċerka u fil-kura biex inkomplu nsalvaw il-ħajjiet. Għalhekk li l-master plan jinkludi investiment kbir fir-riċerka tal-kanċer inkluż dak li jolqot lit-tfal. Fl-aħħar xhur rajna kif riċerkaturi Maltin għamlu sejbiet importanti fil-qasam tal-iscreening tal-kanċer u dan juri li minkejja li pajjiż żgħir aħna nistgħu nagħtu kontribut kbir fil-qasam tar-riċerka.
Francis Zammit Dimech qal li permezz ta’ master plan Ewropew li għandu l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) kif ukoll ta’ Manfred Weber se naħdmu sabiex inġibu flimkien ir-riżorsi kollha fl-Ewropa inkluż l-għerf u s-sejbiet tar-riċerkaturi biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer. Huwa qal li flimkien nistgħu nsaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer. Dan il-pjan jinkludi strateġija Ewropea biex intejbu b’mod qawwi l-prevenzjoni, strateġija biex intejbu dijanjosi tal-kanċer fi stadju bikri, niffaċilitaw skambju ta’ informazzjoni bejn ċentri għar-riċerka u tas-saħħa madwar l-Ewropa billi nagħmlu użu mill-għodda diġitali filwaqt li nassiguraw privatezza tal-pazjenti, naċċertaw l-ogħla livell fiċ-ċentri tal-kura tal-kanċer, u ngħinu aktar lill-pazjenti kemm waqt it-terapija kif ukoll wara li jegħlbu l-kanċer.
David Stellini qal li jkun żball jekk wieħed jaħseb li d-deċiżjonijiet tas-saħħa huma xogħol il-membri stati biss. Huwa qal li permezz tal-Unjoni Ewropea rnexxielna noffru lill-poplu Malti u Għawdxi Ċentru tal-Onkoloġija tal-ogħla kwalità u issa rridu nkomplu nibnu fuq dan ir-riżultat biex naħsdu aktar frott tal-isħubija fl-Unjoni Ewropea mhux biss f’termini ta’ fondi izda wkoll fuq livell ta’ policies fil-ġlieda kontra l-kancer. David Stellini qal li l-kanċer huwa wieħed mill-ħames pilastri li fuqhom se jintefqu l-fondi tal-programm Horizon u li l-manifest tal-PPE jitkellem dwar is-saħħa u jagħmel impenn favur investiment fl-innovazzjoni, li hi wkoll neċessarja biex niġġieldu l-kanċer.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej u l-Brexit u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Stellini kien hemm preżenti wkoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi Alex Abela u l-kandidat għall-elezzjoni lokali fir-Rabat Rudolph Grima.
//= $special ?>