Lokali

Nhar il-Ħadd edizzjoni oħra taż-Żabbar Autofest 2019

Wirjiet ta’ karozzi, bike ride u wirja ta’ saħħa b’risq Puttinu Cares

Għat-8 sena konsekuttiva, MMG Promotions, fi ħdan is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ Żabbar A.D. 1883, flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ser torganizza waħda mill-akbar avvenimenti għad-dilettanti tal-karozzi f’Malta, Żabbar Autofest.

F’din l-attività wieħed għandu l-opportunità li jara mill-viċin kull tip u għamla ta’ vetturi storiċi, modifikati, sportivi, militari u anke muturi. Divertiment u mużika ser ikunu qed jakkumpanjaw l-avveniment tul il-ġurnata kollha filwaqt li din is-sena, mal-istess attività, ser tiżdied Bike-ride li ser titlaq minn Pembroke Park & Ride fid-9:30 ta’ filgħodu u tintemm f’Ħaż-Żabbar. Mudelli minn Miss World Malta ser ikunu qed jakkumpanjaw l-ispettaklu matul il-ġurnata filwaqt li ser ikun hemm shows ta’ saħħa minn Tony Farrugia u Mr. Cool.

Dan l-avveniment kien dejjem sinonimu ma’ għan filantropiku u dis-sena xejn inqas, tant li din is-sena ser jinġabru donazzjonijiet b’risq Puttinu Cares.

L-avveniment ser isir nhar il-Ħadd 12 ta’ Mejju fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Ħaż-Żabbar bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ wara nofsinhar.

Iktar dettalji jistgħu jinstabu fuq https://www.facebook.com/zabbarautofest/