Lokali

“Ninsabu mkissrin” – il-familja Sapienza bi spiża enormi wara t-traġedja taż-Zaira

Il-familja ta’ Luciano Sapienza, li għereq meta l-iskuna tas-sajd Zaira għerqet f’Marsaskala, qed tipprova tlaħħaq ma’ spiża enormi li segwiet it-traġedja.

Iż-Zaira rnexxiela tittella’ mill-baħar, kważi intatta, tard il-Ħamis filgħaxija. Madankollu, dan seħħ biss wara t-tieni tentattiv, hekk kif dak tal-Erbgħa falla’. Dan kompla jtella’ l-ispiża ta’ din il-ħidma, anke għaliex il-kumpanija li ħadet ħsieb is-salvataġġ tad-dgħajsa kellha titlob is-servizzi ta’ kumpaniji addizzjonali.

Minkejja li ma jidhirx li ż-Zaira ġarrbet ħsarat kbar, kif wieħed jista’ jimmaġina xorta waħda se jkun hemm bżonn li jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuqha.

Dan apparti li l-familja issa qed tiffaċċja wkoll spiża biex isir il-funeral ta’ Luciano, li mistenni jsir fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla fil-Katidral ta’ Sirakuża. Biex isir dan, il-familja kellha tmur għas-servizzi ta’ kumpanija tal-funerali minn Sqallija, bil-katavru li mistenni jħalli Malta llum abbord il-Katamaran.

F’kummenti lil Net News, qarib tal-familja spjegalna li l-familja estiża ta’ Luciano hi ffurmata minn sajjieda, li jaqilgħuha u jikluha mix-xogħol tas-sajd.

“M’aħniex xi nies tat-tajjeb ekonomikament. Qed nappellaw għall-għajnuna għaliex ninsabu mifnija mill-gwaj biex inkunu nistgħu nlaħħqu mar-riperkussjonijiet ta’ din it-traġedja,” iddikjara qarib tal-familja lil Net News.

Appella fost oħrajn biex ma jinħolqux problemi ulterjuri mill-awtoritajiet lokali u d-dgħajsa tkun rilaxxata mill-iktar fis possibbli, malli jitlestew l-investigazzjonijiet. Dan biex il-familja tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha.

F’kummenti lil Net News ilbieraħ, Fabio Sapienza, li salva mill-għarqa iżda tilef lil missieru Luciano, infaqa’ jibki meta kien mistoqsi dwar il-futur. Qal li hu tilef kollox u ma jafx x’hemm lest għalih.