L-attakkant Taljan Sergio Pellissier ħabbar li se jkun qed jirtira fi tmiem l-istaġun fl-età ta’ 40 sena. Pellissier hu bandiera ta’ Chievo hekk kif lagħab bejn l-2002 u l-2019 b’total ta’ 514-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha. Il-President ta’ Chievo ħabbar li se jirtira n-numru 31 li jilgħab bih Pellissier.
F’konferenza stampa, Pellissier qal li ma ħax deċiżjoni f’ġurnata iżda ħaseb ħafna qabel iddeċieda. Hu kompla li kkomunika d-deċiżjoni mal-President madwar xahar ilu, bil-President Campadelli jipprova jikkonvinċi l-veteran biex jibqa’ jilgħab.“ Jasal żmien li ma tkunx tissaporti aktar li tkun fuq il-bank u jista’ jkun aspett negattiv, għalhekk ma rridx li nkun ta’ piż għall-klabb.” Pellissier qal li x-xewqa tiegħu hi li jtemm il-karriera kif ried hu.
L-attakkant jittama li jkun jista’ jilgħab l-aħħar logħba fi Stadio Bentegodi biex jiċċelebra l-karriera mal-partitarji ta’ Chievo. “Jekk ikun hemm xi kariga fil-klabb inkun dispost imma biss f’xi rwol ta’ responsabbiltà u mhux sempliċiment simboliku għaliex ma rridx nisraq flus.”
Wara esperjenzi ma’ Torino fis-Serie B kif ukoll Varese u Spal fis-Serie C, Pellissier ingħaqad ma’ Chievo fl-2002 u lagħab total ta’ 16-il staġun fis-Serie A u fl-istaġun 2007/08 baqa’ mal-klabb fis-Serie B. F’dak l-istaġun skorja 22 gowl u fis-Serie A niżżel ismu fost l-iskorers 112-il darba. Hu lagħab darba mat-tim nazzjonali Taljan u skorja kontra l-Irlanda ta’ Fuq.
//= $special ?>