Futbol Sport

Yaya Toure jtemm il-karriera ta’ plejer

Yaya Toure ħabbar li rtira mill-futbol u se jkun qed jiffoka biex isir kowċ fil-futur. Il-midfielder ilu mingħajr klabb minn meta ħalla lil Olympiakos is-sena l-oħra fejn lagħab biss ħames logħbiet. Matul il-karriera tiegħu, Toure kellu esperjenzi pożittivi ma’ Manchester City u Barcelona kif ukoll lagħab ma’ Monaco, Beveren fil-Belġju u Metalurh Donetsk tal-Ukrajna.

L-aġent tiegħu Dimitry Seluk tkellem mal-aġenzija Russa Sport24 u kkonferma l-aħbar, b’Seluk jgħid li l-aħħar logħba vera tiegħu kienet ma’ Manchester City. “Yaya hu wieħed mill-aqwa plejers Afrikani u kellu waħda mill-aqwa karrieri fl-istorja tal-futbol Afrikan. Għalhekk għandu jħalli l-futbol fl-aħjar tiegħu.”

“Tkellimna ħafna fuq dan is-suġġett. Ovvjament, kull plejer irid jilgħab kemm hu possibbli. F’termini ta’ kundizzjoni fiżika, Yaya jista’ jilgħab f’livell għoli għal ħames snin oħra. Imma wasalna għal konklużjoni li plejer li lagħab ma’ Barcelona u Manchester City ma setax iniżżel il-livell tiegħu.”

Seluk qal li l-plejer ta’ 35 sena diġà kiseb il-liċenzja ta’ kowċ u se jiffoka biex jibda karriera bħala kowċ bir-Russja u l-Ukrajna huma l-għażliet possibbli. Toure se jtemm il-karriera b’rebħa ta’ Champions League, tliet darbiet il-Premier League, darbtejn La Liga, FA Cup u darba t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.