Lokali

Aktar minn 4,250 Dokument tal-Vot miġbura f’sessjoni mitluba mill-Partit Nazzjonalista

Post ġdid għall-ġbir f'Marsalforn għax l-Għassa magħluqa

Aktar minn 4,250 Dokument tal-Vot inġabru matul in-nofs ta’ nhar tal-bieraħ waranofsinhar u allura, fl-ewwel sigħat tal-perjodu meta min ma ġabarx id-Dokument kellu jmur biex jagħmel dan fl-Għassa tal-Pulizija.

Dan in-nofs ta’ nhar ma kienx ippjanat mill-Kummissjoni Elettorali, iżda wara insistenza tal-Partit Nazzjonalista, is-sessjoni nżammet. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista rreġistra d-diżappunt tiegħu mal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ Dokumenti li tqassmu fl-ewwel fażi.

Sadanittant, wara protest u insistenza mill-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista (ELCOM) inbidel il-post minfejn ir-residenti ta’ Marsalforn jistgħu jiġbru d-Dokumenti tagħhom.

Fil-fatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li mil-lum, dawn jistgħu jinġabru minn Kaċċatur Flats, Triq ix-Xagħra, f’Marsalforn. Dan wara li lbieraħ, ir-residenti marru biex jiġbru d-Dokumenti tagħhom mill-Għassa tal-Pulizija, iżda sabuha magħluqa.