Il-lokalita’ tan-Naxxar jistħoqqilha Kunsill Nazzjonalista ħalli l-ħidma mwettqa f’dawn l-aħħar ħames snin titkompla għall-ġid tar-residenti kollha.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt walkabout fil-lokalita’ tan-Naxxar, fil-preżenza wkoll tal-Kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u Roselyn Borg Knight, flimkien mal-Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Waqt iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ numru ta’ residenti u sidien tal-ħwienet, li tkellmu miegħu dwar l-andament tax-xogħol u ddiskutew il-proposti li jistgħu jgħinu biex il-kummerċ jitjieb.
Dwar in-Naxxar, Adrian Delia qal li l-Kunsill Lokali ħadem bla waqfien biex isebbaħ il-lokalità. Elenka numru ta’ proġetti li twettqu mill-Kunsill, fosthom tisbieħ ta’ ġonna u tranġar ta’ toroq, kif ukoll proġetti oħra li l-għan tagħhom kien li titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-Naxxarin.
Kien għalhekk li appella lil Gvern biex ma jkaxkarx saqajh fi proġetti li qed joħolqu bosta inkonvenjent lir-residenti, fosthom il-proġett marbut mar-roundabout fid-daħla tan-Naxxar. Adrian Delia tenna l-appell lir-residenti tan-Naxxar biex fl-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali jagħtu fiduċja lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.
Din il-walkabout saret bħala parti mill-kampanja għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.