Il-Gvern Soċjalista falla fil-qasam ambjentali u f’paniku qed joħroġ b’wegħdi għall-konvenjenza, għax tkun waslet xi elezzjoni u minn dak li jkun ġie mwiegħed jibqa’ ma jsir xejn.
Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.
Jason Azzopardi qal li fi Frar tal-2016, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar u wiegħed park nazzjonali fiż-Żonqor li kellu jkun kbir 929,000 metru kwadru, u dak li l-Gvern Soċjalista kien qal li kellu jkun l-akbar proġett ambjentali sal-lum baqa’ ma sar xejn.
Huwa qal li fl-2017, il-Ministru Josè Herrera kien wiegħed fil-Parlament li l-parti tal-impjant ta’ Sant’Antnin li kienet sfat meqruda fin-nirien tkun mibnija sal-aħħar tas-sena li għaddiet u baqgħet ma saritx. Dan bħalma ġie imwiegħed camping site f’Kemmuna u lista ta’ siti bħala public domain sites u wkoll baqa’ sar xejn. Mhux biss iżda siti ambjentali li kienu saru fi żmien Gvernijiet Nazzjonalista tħallew għal rieħhom.
Jason Azzopardi qal li dwar il-plastik huwa surreali għall-aħħar kif il-Partit Soċjalista fl-Oppożizzjoni jniżżel lin-nies fit-toroq jipprotestaw kontra l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fuq it-taxxa ambjentali maħsuba li teqred il-boroż tal-plastik u llum, għaxar snin wara, il-Partit Soċjalista fil-Gvern jgħidilna li għandu viżjoni ambjentali għax se jeqred l-użu tal-boroż tal-plastik.
Huwa qal li l-Ministru għal-Ambjent illum jgħidilna li dak li għamel il-predeċessur tiegħu kien hażin u żbaljat għax effettivament Leo Brincat Ministru tal-Ambjent ħalla l-użu tal-boroż tal-plastik jerġa’ jibda għax żarma l-eko-kontribuzzjoni. Ħames snin wara l-Ministru preżenti jiġi jgħidilna li issa se jwaqqaf l-użu tal-basktijiet tal-plastik. Michael Briguglio qal li l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti konkreti għall-ambjent u l-MEPs li se jiġu eletti għal-PN jinsabu impenjati li jħarsu s-settur ambjentali permezz tal-manifest elettorali. Huwa qal li fosthom il-proposti ewlenin mressqa fil-manifest hemm li:
- Naraw li pajjiżna ma jibqax jaqa’ lura mil-livelli ambjentali maqbula mal-Unjoni Ewropea biex kulħadd ikun jista’ jgħix kwalita’ tal-ħajja aħjar.
- Isir l-aħjar użu mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, inkluż dawk għal sistemi ta’ trasport alternattivi fosthom sistemi ta’ trasport tal-massa.
Michael Briguglio qal li sfortunatament pajjiżna qed jara deterjorazzjoni f’setturi ambjentali bħall-kwalità tal-ħajja u f’oqsma oħra bħat-tniġġiż, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, it-traffiku u l-kostruzzjoni mingħajr ippjanar.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio kien hemm preżenti wkoll is-Sindku u kandidat għall-elezzjoni lokali f’San Ġiljan Guido Dalli, il-kandidata għall-elezzjoni lokali f’Tas-Sliema Graziella Attard Previ u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’San Pawl il-Baħar Anthony Delia.
//= $special ?>