Lokali

“Infasslu l-futur tal-pajjiż u tal-Ewropa flimkien maż-żgħażagħ” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista jrid ifassal il-futur tal-pajjiż u tal-Ewropa flimkien maż-żgħażagħ.  Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’attività mtella’ mill-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Teamstart f’Tas-Sliema.

Adrian Delia kellu ċ-ċans jiltaqa’ maż-żgħażagħ u magħhom iddiskuta bosta temi.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fiż-żgħażagħ u għalhekk l-MEPs tal-PN ħadmu mill-Parlament Ewropew. Ħadmu biex il-fondi tal-Erasmus jittripplaw, saret ħidma biex tingħeleb il-barriera diġitali għax-xiri onlajn u ħadmu biex il-You Tubers Maltin jibdew jitħallsu għall-videos li jagħmlu u li jtellgħu onlajn.

Adrian Delia qal li l-PN se jaħdem biex pajjiżna verament isir pajjiż nadif u rridu nuru liż-żgħażagħ li verament nistgħu nagħtuhom pajjiż li jkun nadif.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar tfajla Żvediża Greta Thunberg, li waħedha rnexxilha tibda kampanja kbira madwar id-dinja dwar it-tibdil fil-klima. Ambjent nadif għaż-żgħażagħ ifisser ukoll li neqirdu l-użu tas-single use plastic u li l-MEPs li se jiġu eletti għall-PN se jkunu qed jaħdmu għal dan il-għan ukoll mill-Parlament Ewropew. Hu ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex iqumu għall-isfidi li għandu l-pajjiż u jipparteċipaw biex jagħmlu bidla.

Matul din l-attività ż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet lill-Kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn fost l-oħrajn, Dione Borg tkellem dwar il-bżonn li jkollna f’Malta ħaddiema li jikkontribbwixxu b’mod serju għat-tkabbir tal-ekonomija. Roselyn Borg Knight saħqet fuq l-importanza ta’ pagi diċenti filwaqt li Michael Mercieca qal li minkejja l-ekonomija bbażata fuq iż-żieda fil-popolazzjoni, il-pagi mhumiex jiżdiedu. Michael Briguglio qal li l-fondi Ewropej għandhom jintużaw biex issir modal shift fit-trasport pubbliku. David Stellini  tkellem dwar l-isfidi li jiffaċċja pajjiżjna jekk isseħħ l-armonizzazzjoni tat-taxxa u Peter Agius ħeġġeġ liż-żgħażagħ ikomplu jimbuttaw il-ħolm tagħhom b’determinazzjoni. Roberta Metsola qalet liż-żgħażagħ li huma mhumiex il-futur imma il-preżent, u għandhom jużaw l-enerġija tagħhom biex jibdew mil-lum jaħdmu biex jegħlbu l-isfidi li qed jiffaċċjaw.