F’sentejn biss, il-Membri Parlamentari Ewropej Soċjalisti Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi ivvotaw bejniethom xejn anqas minn 16-il darba favur l-abort.
Kien il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, li żvela dan waqt il-programm Xarabank, fuq ix-Xandir tal-Istat. Matulu, hu kien qed jiddibatti mal-eks Mexxej Laburista u llum Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew fi tmiem terminu ieħor tal-Parlament Ewropew.
Sant kien sfidat għal aktar minn darba biex jgħid jekk hu u sħabu vvutawx favur l-abort. U ladarba, l-eks Mexxej Soċjalista baqa’ ma laqax l-isfida, kien David Casa stess li ppreżenta d-dokumenti bid-drabi li Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi vvutaw favur l-abort.

Sant flimkien ma Miriam Dalli ivvotaw xejn anqas minn sittax-il darba favur l-abort fil-Parlament Ewropew … bl-aħħar każ ikun lura fi Frar li għadda, meta vvota favur abort assistit sigur u li l-mara jkollha d-dritt unanimu fuq is-saħħa tar-riproduzzjoni tagħha.

Barra minhekk, kien hu stess li vvota għas-sejħa biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jirrikonoxxu fost l-oħrajn servizzi legali tal-abort.
U fost okkażjonijiet oħrajn, lura fl-2017, Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi vvotaw biex l-Istati Membri jiggarantixxu s-servizzi kollha riproduttivi, inkluż li l-abort isir legali.

F’każ ieħor, fl-2017 ukoll, it-tliet Membri Parlamentari Ewropej Soċjalisti Maltin ivvotaw favur li huma tal-opinjoni li minħabba l-fatt li fl-Istati Membri tal-Unjoni jirrifjutaw li jwettqu abort, hemm bżonn li l-Membri rispettivi għandhom iħeġġu lit-Tobba biex tal-anqas ikun hemm numru minimu li jwettqu abort fl-isptarijiet.

Dan il-vot kien jinkludi wkoll li l-mara jkollha kontroll assolut fuq il-ħajja riproduttiva tagħha u għaldaqstant l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxu aċċess għal abort legali.

Iżda minkejja li, meta ppressat, il-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li l-Partit Soċjalista li jmexxi hu favur
il-ħajja, il-fatti juru totalment mod ieħor. Fil-fatt, il-qasma fi ħdan il-Partit immexxi minn Muscat hi waħda ċara, f’suġġett daqstant delikat.

Fil-fatt, stħarriġ li twettaq minn Life Network Foundation wera proprju dan … hekk kif 10 mill-14-il Kandidat Soċjalista għall-Parlament Ewropew lanqas biss wieġbu dwar jekk jaqblux li l-abort jidħol f’pajjiżna jew le – fosthom Alfred Sant u Miriam Dalli.Dan meta l-Partit ta’ Muscat iffirma u ngħaqad mal-Manifest Elettorali tas-Soċjalisti Ewropej, li jinkludi bi prominenza l-abort fil-pajjiżi Ewropej … u meta l-Mexxej Soċjalista tgħannaq mal-Kandidat Soċjalista għall-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans b’approvazzjoni għal din il-politika tas-Soċjalisti Ewropej.
//= $special ?>