Lokali

Iż-żgħażagħ u l-familji Maltin għandhom dritt li jkollhom akkomodazzjoni diċenti u affordabbli

Iż-żgħażagħ u l-familji Maltin għandhom dritt għal akkomadazzjoni diċenti u affordabbli. Il-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-propjetà u tal-kirjiet qegħdin jagħmluha ferm diffiċli biex iż-żgħażagħ u l-middle class jixtru jew jikru akkomodazzjoni diċenti.

Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight u Michael Briguglio waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali. 

Ivan Bartolo qal li minn stħarriġ li kien sar mal-aġenti tal-propjetà kien irriżulta li l-prezz tal-propjetà f’Malta żdied bi kważi 50% fi żmien sentejn u rapport tal-KMPG wera li l-prezz medju ta’ appartament żdied b’24%.

Minn stħarriġ li kien sar mill-Malta Today kien irriżulta li 95.1% iqisu li l-prezzijiet tal-kirjiet huma problema nazzjonali. Huwa qal li statistika li kienet ġiet ippreżentata fil-Parlament kienet turi li matul dawn l-aħħar ħames snin kienu saru rapporti dwar 27 persuna li nstabu jorqdu barra. NGOs li jgħinu lil min m’għandux saqaf fuq rasu qalu li din ċ-ċifra ta’ dawn in-nies hija ferm ħafna akbar u dan meta l-YMCA tirċievi ħames talbiet kuljum li iżda ma jistgħux jaċċettaw għaliex sfortunatament ma jkollhomx aktar post. 

Michael Briguglio qal li mill-Ewrobarometru kien irriżulta li l-Maltin u l-Għawdxin jinsabu mħassbin bil-housing. Huwa qal li statistika Ewropea kienet uriet kif 12.8% tal-ħaddiema barranin ‘il barra mill-Unjoni Ewropea qed ikollhom jgħixu f’appartamenti ffullati. Dan għaliex il-Gvern Soċjalista m’għandux pjan fit-tul dwar kemm il-pajjiż u l-ekonomija jeħtieġu ħaddiema barranin f’pajjiżna. Michael Briguglio qal li d-dipendenza tal-Gvern Soċjalista fuq il-bejgħ tal-passaporti biex ikun f’pożizzjoni li jagħmel l-eżerċizzji ta’ PR biex iħabbar proġetti tal-housing, li sal-lum għadu ma sar xejn u aktar minn 3,200 persuna għadhom fil-waiting list jistennew sabiex ikollhom saqaf fuq rashom.  

Roselyn Borg Knight qalet li huwa l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan li qed joħloq bosta diffikultajiet fuq il-kirjiet u l-propjetà u dan b’impatt negattiv mhux biss fuq il-ħaddiema bi dħul baxx iżda wkoll fuq il-middle class. Dan meta l-istatistika tal-Eurostat uriet biċ-ċar li b’mod kostanti f’Malta kellna fost l-ogħla rata ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-propjetà u li qed tagħmilha ferm diffiċli biex iż-żgħażagħ u l-familji jaffordjaw jixtru propejtà.

Dan irid jittieħed ukoll fil-kuntest tal-morsa doppja li qed jispiċċaw fiha ż-żgħażagħ u l-ħaddiema biċ-cheap labour u l-prezzijiet li dejjem jogħlew. Hija qalet li l-PN se jibqa’ jenfasizza fuq il-bżonn ta’ pjan fit-tul għal akkomodazzjoni li tkun affordabbli. Prezenti għall-Konferenza tal-ahbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight u Michael Briguglio kien hemm preżenti wkoll l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħal Luqa Frederick Aquilina u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħad-Dingli David Vassallo.