Lokali

Jerġgħu jitħawwdu f’dibattitu

L-MEPs tal-Partit Laburista huma mexjin fuq l-eżempju tal-Mexxej tagħhom, li jħawwad meta jkun f’dibattitu, meta waqt id-dibattitu ta’ Xarabank tal-bieraħ, reġgħu tħawdu u tgerfxu fuq voti tal-Parlament Ewropew. Hekk sostnew l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.

Huma saħqu li l-uniċi MEPs li huma favur li jkun hemm sistema waħda ta’ taxxi fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea huma l-MEPs Soċjalisti. Dan ġie kkonfermat kemm fil-programm elettorali tal-Partit Soċjalista kif ukoll mill-wegħda tal-kandidat tas-Soċjalisti Ewropej għal President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans.

Ir-rapport li qed jagħmlu referenza għalih l-MEPs tal-Partit Soċjalista huwa rapport li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista vvutaw kontrieh, mhux favurieh. Sempliċi riċerka fuq is-sit tal-Parlament Ewropew tikkonferma dan. Jiġifieri dak li qd jgħidu l-MEPs tal-Partit Laburista hi gidba faħxija. Huwa ċar li l-Partit Soċjalista Malti tgerfex bi kbir wara li nqabad li qed jappoġġja manifest elettorali li se jneħħi d-dritt ta’ pajjiżna li niddeċiedu aħna dwar it-taxxa.

Ikun aħjar li flok ikomplu jitgerfxu, l-MEPs imorru fil-grupp Ewropew tagħhom u jippruvaw jikkonvinċuhom li dak li qed iwegħdu se jagħmel ħsara kbira lil pajjiżna.