Lokali

“Kulħadd għandu jagħmel ħiltu u jmur jivvota” – Louis Galea

L-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju huma importanti għax matulhom se nagħżlu l-aħjar rappreżentanti ta’ pajjiżna għall-Parlament Ewropew u fil-Kunsilli Lokali tagħna.

Hu għalhekk li kull wieħed u waħda minna jagħmel dmiru u jmur jivvota … u jagħżel lil dawk li verament iridu jaħdmu flimkien għal pajjiżna.

Hekk qal l-eks Ministru Louis Galea, politiku Mqabbi li għalih kienet imsemmija s-Sala l-ġdida tal-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalità. Din parti minn ċerimonja li matulha kien inawgurat mill-ġdid ukoll il-Każin, iddedikat lill-Patrijott Malti Dun Mikiel Xerri.

Min-naħa tiegħu, f’diskors għall-okkażjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partitse jkompli jaħdem għall-Maltin u l-Għawdxin kollha biex kulħadd ikollu l-aktar affarijiet bażiċi għal ħajjithom – xi ħaġa li bħalissa tinsab mhedda.

Hu wiegħed li se jkompli jaħdem biex jegħleb il-ġlieda tat-tniġġis fl-arja, bil-Gvern ma jridx jitkellem fuq din il-problema.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Louis Galea għax-xogħol tiegħu bħala Segretarju Generali fis-snin diffiċli għall-politika Maltja, kif ukoll bħala Ministru, fejn serva b’dedikazzjoni fis-settur tal-Edukazzjoni.

Min-naħa tiegħu, Louis Galea faħħar ix-xogħol ta’ dawk kollha li f’dawn iż-żminijiet lesti jaħdmu għall-Partit Nazzjonalista u għal Malta. Saħaq li s-Sala ddedikata għalih għandha tilqa’ lil kulħadd biex tagħti leħen lil kull individwu, filwaqt li insista li l-politika hi vokazzjoni nobbli ta’ servizz favur in-nies.

Preżenti għal l-attivita kien hemm ukoll l-erba’ Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tal-Imqabba, kif ukoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit David Aguis u Robert Arrigo, is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Clyde Puli, il-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono, u Kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.