Futbol Sport

RITRATTI: Effiong ipoġġi lil Balzan fil-finali tal-FA Trophy u jtemm staġun diżastruż għal Birkirkara

(Ritratt: Trevor Sollars)

BALZAN…………….. 3 BIRKIRKARA……………. 2

Balzan: S. Mintoff, I. Bozovic, N. Sljivic, A. Kosoric, S. Bezzina, P. Fenech, U. Ljubomirac, S. Pisani (A. Majdevac 51’), C. de Fiori Mendes (D. Camilleri 84’), R. Correa, A. Effiong (S. Cipriott 92’)

Birkirkara: K. Naumovski, C. Attard, E. Ferreira, N. Vukanac (M. Guillaumier 83’), C. Failla, M. Andelkovic, T. Agius, J. Bezzina (T. de Souza 75’), M. Vella, M. Mifsud, J. Pereira da Silva (L. Montebello 72’)

Imwissija: J. Pereira da Silva 24’, T. Agius 53’, K. Naumovski 89’ (Bi), I. Bozovic 76’, A. Effiong 81’, R. Correa 88’ (Ba)

Skorjaw: N. Sljivic 8’, U. Ljubomirac 54’, A. Effiong 80’ (Ba), M. Mifsud 32’, 40’ (Bi)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Theodore Zammit

Attendenza: 752

Gowl fl-aħħar għaxar minuti ta’ Alfred Effiong poġġa lil Balzan fil-finali tal-FA Trophy għat-tieni darba fl-istorja. Balzan u Birkirkara kienu qed jissieltu biex mhux biss jilagħbu l-finali iżda jibqgħu b’ċans li jidħlu fl-Europa League staġun ieħor għas-spejjeż ta’ Ħamrun Spartans. Il-logħba kienet pjaċevoli, denja ta’ semifinali, hekk kif iż-żewġ timijiet kienu konxji ta’ dak li qed jilagħbu għalih. Għal Birkirkara dan kien it-tmiem tal-aktar staġun diżappuntanti fl-aħħar snin u żgur li se jkollhom sajf impenjattiv biex jirritornaw mal-aqwa timijiet fil-kampjonat.

It-tim ta’ John Buttigieg naqas li jibni fuq il-prestazzjoni tal-ewwel taqsima. Huma sabuha diffiċli biex jimponu l-logħba tagħhom u speċjalment fl-attakk naqsu li jkunu perikolużi. Balzan bdew jisfruttaw aktar mill-ispazji tal-avversarji u kienu kapaċi jwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima wara li sabu ruħhom minn taħt, bl-inklużjoni ta’ Andrija Majdevac fil-bidu tat-tieni taqsima tħalli l-effett mixtieq.

Balzan fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni wara tmien minuti. Kien korner mil-lemin ta’ Ricardo Correa, b’NENAD SLJIVIC li għola qalb id-difensuri avversarji u għeleb lil Kristijan Naumovski b’daqqa ta’ ras. Okkażjoni oħra għal Balzan mal-kwarta logħob b’kombinazzjoni bejn Uros Ljubomirac u Alfred Effiong, bix-xutt tal-ewwel mill-kaxxa jkun imxellef minn Vukanac. Balzan komplew ikunu l-aħjar tim u reġgħu resqu viċin il-gowl fit-18-il minuta b’xutt b’saħħtu mill-kaxxa ta’ Ricardo Correa li ġiegħel lil Naumovski jdawwar f’korner bi bravura.

Birkirkara ġabu d-draw fit-32 minuta b’gowl kapovalur ta’ MICHAEL MIFSUD. L-attakkant veteran irċieva passaġġ min-nofs il-grawnd mingħand Mislav Andelkovic, dar u evita lil Sljivic biex b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ma tax ċans lil Sean Mintoff. It-tim ta’ John Buttigieg mar fil-vantaġġ fl-40 minuta meta Johann Bezzina fetaħ id-difiża ta’ Balzan b’passaġġ intelliġenti lejn Jorge Pereira da Silva li qabbeż wara Mintoff, b’MICHAEL MIFSUD jantiċipa lil Kosoric biex kompla l-ballun mill-viċin.

Ir-reazzjoni ta’ Balzan waslet fl-44 minuta b’passaġġ mil-lemin ta’ Effiong lejn de Fiori Mendes iżda x-xutt fil-baxx tal-midfielder mill-kaxxa għadda barra. Il-kowċ ta’ Balzan Jacques Scerri għamel mossa offensiva fil-51 minuta meta daħħal lill-attakkant Andrija Majdevac flok il-midfielder Steve Pisani. Din il-bidla ħalliet il-frott għaliex tliet minuti wara ġabu d-draw bi free-kick ta’ de Fiori Mendes fuq it-tieni lasta, b’UROS LJUBOMIRAC jitħalla żmarkat biex mattar siequ u għeleb lil Naumovski mill-viċin.

Balzan kienu aħjar wara dan il-gowl u reġgħu kienu perikolużi fil-71 minuta, b’de Fiori Mendes jiftaħ fuq ix-xellug lejn Ricardo Correa iżda x-xutt tiegħu kien imdawwar tajjeb b’korner minn Naumovski. Mill-istess korner, Andrija Majdevac falla l-mira mill-kaxxa ż-żgħira. Balzan skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-80 minuta meta Ljubomirac rebaħ ballun f’nofs il-grawnd u qassam vertikalment lejn ALFRED EFFIONG li rebaħ dwell ma’ Eduardo Ferreira, avvanza u qabbeż fuq Naumovski. Żewġ minuti wara, Naumovski dawwar f’korner xutt fil-baxx ta’ de Fiori Mendes.

Birkirkara tefgħu kollox fuq l-attakk fl-aħħar minuti iżda l-aktar li resqu qrib kien fl-94 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Thiago de Souza iżda Sean Mintoff kien attent u salva fil-ħin.