Futbol Sport

Tkompli t-taqtigħa fis-Serie A għat-tielet u r-raba’ post

It-taqtigħa għal min jispiċċa t-tielet u r-raba’ post tkompli bejn illum u t-Tnejn hekk kif mhux se jkun hemm konfront dirett bejn is-sitt timijiet li qed jissieltu għal post fiċ-Champions League.

Inter bħalissa jinsabu fit-tielet post u jilqgħu f’darhom lil Chievo li diġà huma relegati. Inter ġejjin minn rebħa mill-aħħar ħames logħbiet u l-vantaġġ tagħhom li kellhom tnaqqar hekk kif issa jinsabu biss punt fuq Atalanta.

Il-Bergamasci probabbli huma l-aktar tim fil-forma bħalissa u ilhom 10 logħbiet mingħajr telfa. Huma se jkunu qed jilagħbu fil-Mapei Stadium minħabba li qed isir xogħol fl-istadium tagħhom. L-avversarji tagħhom Genoa qed jissieltu biex iżommu posthom fis-Serie A u telfa llum tista’ tipperikola l-permanenza tagħhom f’din id-diviżjoni.

Roma għandhom l-aktar konfront diffiċli hekk kif f’darhom jilqgħu liċ-champions Juventus. Minħabba li l-Bianconeri assiguraw mill-kampjonat kmieni, it-tim jidher li qed jilgħab mingħajr motivazzjoni u dan wassal biex kisbu żewġ draws kontra Inter u Torino rispettivament. Roma ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Genoa u se jfittxu li jiksbu l-punti minn din il-logħba hekk kif il-logħbiet qed jonqsu u għadhom mhux mal-ewwel erbgħa.

Milan imorru fi Stadio Artemio Franchi biex jilagħbu kontra Fiorentina. Ir-rebħa fl-aħħar logħba kontra Bologna fl-aħħar logħba reġgħet tat tama lil Milan li jistgħu jtemmu l-kampjonat mal-ewwel erbgħa. Normalment il-konfront tal-lum ikun diffiċli iżda Fiorentina għaddejjin minn perjodu negattiv hekk kif ilhom tliet xhur mingħajr rebħa.

Torino għadhom jittamaw li jistgħu jiksbu post fl-Ewropa u f’darhom jilqgħu lil Sassuolo li huma komdi f’nofs il-klassifika. Fl-aħħar ħames logħbiet, Torino kisbu tliet draws iżda ġejjin minn draw kontra Juventus barra minn darhom. Torino skorjaw tal-anqas żewġ gowls f’ħamsa mill-aħħar sitt logħbiet.

Lazio huma kważi maqtugħa milli jiksbu post fiċ-Champions League wara t-telfa tal-ġimgħa l-oħra kontra Atalanta, iżda huma jridu jissieltu għal post fl-Europa League. Lazio jilagħbu barra minn darhom kontra Cagliari li se jippruvaw jirkupraw xi ħaġa mill-punt li tilfu lejn it-tmiem kontra Napoli. Jekk ma tiswa għalxejn, din il-logħba għandha sservi ta’ preparazzjoni għall-finali tal-Coppa Italia fil-15 ta’ Mejju kontra Atalanta.

Fin-naħa ta’ isfel jonqos biex ikun deċiż min se jingħaqad ma’ Frosinone u Chievo fis-Serie B. Bħalissa huma Empoli li jinsabu fiż-żona l-ħamra iżda r-rebħa tal-ġimgħa l-oħra kontra Fiorentina tat tieqa li minnha jistgħu jsalvaw. Huma jilagħbu kontra Sampdoria, tim li ma għandux motivazzjoni sa tmiem il-kampjonat.

Genoa jilagħbu kontra Atalanta u Udinese għandhom konfront importanti kontra Frosinone li huma diġà relegati. Vantaġġ li għandhom Udinese hu li l-konfronti li fadlilhom huma kollha kontra timijiet min-naħa ta’ isfel. Udinese ġejjin minn draw kontra Inter.

Serie A

Illum:Atalanta v Genoa 3.00pm, Cagliari v Lazio 6.00pm, Fiorentina v Milan 8.30pm,Għada:Torino v Sassuolo 12.30pm, Frosinone v Udinese 3.00pm, Sampdoria v Empoli 3.00pm, Spal v Napoli 6.00pm, Roma v Juventus 8.30pm,It-Tnejn:Bologna v Parma 7.00pm, Inter v Chievo 9.00pm

Tags