Il-President Russu Vladimir Putin ħa daqsxejn ta’ pawża mill-affarijiet poliċi w internazzjonali sabiex ħa sehem f’partita ta’ ħbiberija tal-hockey f’Sochi.
Filwaqt li jidher li Putin kellu wirja brillanti hekk kif skorja xejn inqas minn tminn gowls, sfortunatament ma setax jevita l-kissra kolossali wara l-logħoba.
Dan hekk kif waqt li kien qed ixejjer lill-ispettaturi huwa u ħiereġ il-President, li issa għandu 66 sena, tħarbat f’tapit aħmar u żelaq għal wiċċu fuq is-silġ.
Fortunatament, grazzi għar-riflessi felini tiegħu u l-għajnuna tal-kollegi fl-iskwadra, huwa qam daqslikieku ma kien seħħ xejn.

