Sport Waterpolo

Wirja brillanti fl-aħħar sessjoni tagħti l-10 kampjonat tax-xitwa lil Neptunes

(Ritratt: Trevor Sollars)

NEPTUNES LEO VEGAS………. 13 SLIEMA FRANK SALT……….. 9

(5-2), (1-3), (2-4), (5-0)

Neptunes Leo Vegas rebħu l-Kampjonat tax-xitwa għall-għaxar darba b’rebħa ta’ 13-9 fuq Sliema Frank Salt fil-finali tal-play-off. Dan kien l-ewwel suċċess tagħhom fil-kompetizzjoni mill-2015, bir-rebħa tasal wara wirja kollettiva, anki jekk f’ċertu mumenti s-Slimiżi kienu aħjar.

Sliema offrew oppożizzjoni denja iżda spiċċaw biex pattew qares għal xi mumenti ta’ indeċiżjoni. Huma kienu konċentrati biżżejjed biex irkupraw żvantaġġ ta’ tliet gowls iżda wara li marru għall-ewwel darba minn fuq fit-tielet sessjoni, ma kellhomx risposta għall-gowls ta’ Neptunes. Fuq kollox spikkaw il-prestazzjonijiet taż-żgħażagħ Benji Cachia u l-gowlkiper Miguel Vassallo.

Bidu tajjeb minn Neptunes li permezz tal-prolifiku fis-centre Jeremy Abela fetħu vantaġġ ta’ 3-0. Dan il-vantaġġ inżamm mit-tim ta’ Jovan Popovic hekk kif għaż-żewġ gowls Slimiżi wieġbu Niki Lanzon b’gowl mill-isbaħ u penalty ta’ Jake Muscat.

Sa dak il-ħin, Neptunes dehru fil-kontroll tal-logħba iżda Sliema għarfu jkunu aktar dixxiplinati u daħlu fil-logħba b’doppjetta ta’ Jerome Gabarretta. Lejn nofs it-tieni sessjoni, Sliema sofrew daqqa ta’ ħarta meta tkeċċa Nicholas Bugelli minħabba logħob aggressiv. Benji Cachia kompla r-rimonta, sakemm il-captain Niki Lanzon ħalla lil Neptunes minn fuq fil-ħin tal-mistrieħ.

Benji Cachia ġab id-draw sakemm Nikolai Zammit u Matthias Azzopardi taw vantaġġ doppju lil Neptunes. Sliema kellhom bżonn reazzjoni oħra u rnexxielhom jagħmluha sa tmiem it-tielet sessjoni bi tliet gowls konsekuttivi ta’ Benji Cachia, Mark Meli u ġmiel ta’ gowl ta’ Michael Spiteri Staines.

Iżda Neptunes splodew fl-aħħar sessjoni bi tripletta ta’ Niki Lanzon, Jeremy Abela u Matthias Azzopardi. It-tamiet ta’ rimonta Slimiża ntemmu meta bi tliet minuti għat-tmiem, Alan Borg Cole salva l-penalty ta’ Michael Spiteri Staines meta r-riżultat kien 11-9. Fi tmiem il-logħba, l-Kap Eżekuttiv tal-BOV Peter Perotti u l-Viċi President tal-ASA Karl Galea ppreżentaw il-midalji u t-trofew lil Niki Lanzon.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (5), K. Erdogan, G. Pace, V. Ragone, J. Farrugia, J. Muscat (1), S. Busuttil, J. Abela (4), N. Zammit (1), S. Stellini, M. Azzopardi (2), B. Busuttil

Sliema: M. Vassallo, J. Gabarretta (2), L. Galea, J. Sciberras (1), M. Meli (1), B. Cachia (3), M. Spiteri Staines (2), C. Cutajar, M. Cordina, D. Rizzo, Z. Mizzi, N. Bugelli, J. Sammut

Referees: Peter Balzan, Mario Dalli