Futbol Sport

Valletta fil-finali tal-FA Trophy għat-28 darba

Stewart Said

GŻIRA U………….. 0

VALLETTA……… 2

Gżira: J. Haber, R. Briffa, R. Soares, F. Barbosa, S. Borg (M. Beerman 81’), J. Corbalan (N. Muscat 74’), G. Conti, Z. Scerri (J. Mengolo 63’), E. Bilbao Zarate, A. Cohen, H. Garba

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, R. Camilleri, J. Borg, R. Saleh, R. Muscat, N. Pulis (S. Dimech 93’), S. Malano, M. Fontanella (A. Monticelli 87’), K. Nwoko, B. Kaljevic (B. Gavrila 82’)

Imwissija: F. Barbosa 51’ (G), N. Pulis 67’ (V)

Skorjaw: R. Muscat 78’, B. Gavrila 91’ (V)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Luke Portelli

Attendenza: 1642

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-FA Trophy, il-finali tas-Sibt li ġej se tkun kontestata minn Balzan u Valletta wara li l-Beltin eliminaw lil Gżira United 2-0 b’gowls fl-aħħar kwarta tal-logħba u l-mira tad-doppjetta għat-tieni staġun konsekuttiv baqgħet ħajja. Din se tkun it-28 darba fl-istorja li Valletta se jilagħbu l-finali tal-FA Trophy

Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għal Valletta li kellhom aktar inizjattiva tul il-logħba, b’Gżira jonqsu li joħolqu azzjonijiet quddiem il-lasta avversarja, għalkemm setgħu ġabu d-draw lejn it-tmiem. B’hekk intemmet it-tama tal-Maroons li jirbħu l-FA Trophy għall-ewwel darba mill-1973.

Fl-aħħar ġimgħa, Valletta kienu ġejjin minn żewġ logħbiet impenjattiva kontra Hibernians li marru t-tnejn wara d-90 minuta. Gżira fuq in-naħa l-oħra lagħbu biss ftit aktar minn nofs siegħa kontra Pietà Hotspurs fil-logħba li kompliet mid-89 minuta.

Għal Valletta rritornaw Ryan Camilleri u Rowen Muscat filwaqt li ż-żagħżugħ Nicholas Pulis beda mill-bidu għall-ewwel darba. Il-kowċ Belti Gilbert Agius xorta kellu jilgħab mingħajr Miguel Alba, Matteo Piciollo, Joseph Zerafa u Steve Borg filwaqt li Jonathan Caruana beda mas-sostituti. Fuq in-naħa l-oħra, Jesmond Zerafa beda b’Roderick Briffa wara li l-veteran daħal fil-ħin barrani kontra Pietà Hotspurs.

Valletta kienu definittivament l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda ma kellhom xejn x’juru fi tmiem it-taqsima, bil-gowlkiper ta’ Gżira Justin Haber jiddistingwi ruħu fil-lasta tiegħu. Il-Beltin ħolqu l-ewwel azzjoni wara tmien minuti bi kross ta’ Rowen Muscat lejn Mario Fontanella li prova b’xutt mid-dawra iżda Justin Haber tar minn tulu biex salva.

Żewġ minuti wara ċans tad-deheb għal Valletta. Kyrian Nwoko sab lil Bojan Kaljevic bi kross mil-lemin iżda l-attakkant Montenegrin ra l-konklużjoni tiegħu minn ħalq il-lasta tgħaddi għoli. Haber kien attent fis-17-il minuta biex salva mal-art daqqa ta’ ras ta’ Nwoko minn korner ta’ Fontanella.

F’nofs it-taqsima, Gżira setgħu faċilment marru minn fuq fl-unika azzjoni perikoluża fl-ewwel taqsima. Xutt indirizzat lejn il-lasta ta’ Haruna Garba kien blokkat minn Ryan Camilleri, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Edison Bilbao Zarate iżda minn pożizzjoni ċentrali laqat il-ballun ħażin u ntemm barra.

Fis-36 minuta, Haber salva mal-art daqqa ta’ ras ta’ Santiago Malano minn korner biex minuta u nofs wara ġab l-aħjar save tat-taqsima. L-ewwel salva fuq xutt b’saħħtu ta’ Nicholas Pulis, biex minn mal-art Nwoko prova mir-rebound iżda Haber wettaq save spettakolari. Qabel tmiem it-taqsima xutt mill-ewwel ta’ Fontanella għadda ftit barra.

Fit-tieni taqsima l-logħba kkalmat ftit fl-intensità tagħha, b’Gżira jikkontrollaw aħjar l-avversarji mingħajr iżda ma jkunu perikolużi. Jesmond Zerafa daħħal lil Justin Mengolo ftit wara s-siegħa logħob biex ikun aktar offensiv.

Iżda kienu Valletta li kellhom ċans ieħor importanti fis-70 minuta b’konklużjoni ta’ Pulis li kienet imxellfa, bil-ballun jispiċċa għand Kaljevic f’pożizzjoni ideali iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ferm għoli. Tliet minuti wara, daqqa ta’ ras tal-istess Kaljevic għaddiet ftit għoli wara ħarġa ħażina ta’ Haber.

Valletta meritatament fetħu l-iskor fit-78 minuta. Minn korner ta’ Fontanella mil-lemin, Fernando Barbosa biegħed parzjalment bir-ras, bil-ballun jispiċċa għand ROWEN MUSCAT li b’xutt bix-xellug fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil Haber li seta’ biss imiss il-ballun.

Valletta ħadu nifs twil fid-89 minuta meta Gżira kważi ġabu d-draw. Is-sostitut Justin Mengolo rċieva ballun fuq il-lemin u bil-ġirja qabeż lil Ryan Camilleri iżda minn pożizzjoni ideali ra x-xutt tiegħu jkun imdawwar f’korner b’save mill-isbaħ ta’ Henry Bonello. Mill-istess korner, id-daqqa ta’ ras ta’ Garba għaddiet ftit għoli.Il-Beltin għalqu l-logħba fil-91 minuta meta f’kontrattakk, Santiago Malano għeleb in-nasba tal-offside avvanza fuq il-lemin u kkrossja fil-baxx lejn is-sostitut BOGDAN GAVRILA li kkontrolla u b’xutt fil-baxx qarraq b’Haber