Lokali

Ħames djakni ġodda għall-Knisja f’Malta

Il-Knisja f’Malta għandha ħames djakni ġodda li ġew ordnati mill-Arċisqof Charles J. Scicluna matul Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal lid-djakni li jekk ma jkunux qaddejja ma jistgħux ikunu evanġelisti u li jekk ma jkunux qaddejja ma jistgħux ikunu ragħajja.

Qallhom ukoll li l-Mulej qed jitlobhom iħalluh iħobbhom, iħalluh jagħrafhom: “Intom u tħaddnu ċ-ċelibat għas-Saltna t’Alla m’intomx qed tagħżlu ħajja mingħajr imħabba, m’intomx qed tagħżlu kundanna stupida u belgħa għas-solitudni sterili u vojta, imma qed tiftħu l-qalb tagħkom għal kulħadd, kullimkien, u fuq kollox għall-imħabba tal-Mulej li ħerqan li jagħrafkom bħala l-qaddejja tiegħu.”

Filwaqt li qallhom li mhux kollox se jkun faċli, huwa wegħedhom il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu. L-Arċisqof Scicluna talab ukoll biex il-Knisja tkompli tinbena f’dar li tagħti glorja lil Alla.

Il-ħames djakni l-ġodda huma: Rev. Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi; Rev. David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar; Rev. Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat; Rev. Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien u Rev. Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi.

Ritratt: Kurja – knisja.mt/ritratti